Il-kumpanija ġganteska Walt Disney Co irrapurtat telf ta’ 1.4 biljun dollaru fl-ewwel tliet xhur tas-sena.
Dan wara li l-kumpanija għalqet il-parks tagħha, ikkanċellat diversi films u naqqset ir-riklamar tagħha.
Kull parti tan-negozju kien affettwat mill-pandemija tal-Coronavirus tant li l-kumpanija kważi tilfet il-profitti kollha fl-ewwel terz ta’ din is-sena.
Iċ-ċermen tal-kumpanija Disney, Bob Iger, qal li d-ditta qiegħda taffaċċja sfidi bla preċedent iżda kien kunfidenti li l-kumpanija ser terġa’ tirkupra.
Rappreżentanti tal-kumpanija saħqu li qegħdin jaraw ħjiel ta’ inkoraġġiment iżda filwaqt li għadu wisq kmieni biex l-operat jerġa’ lura għan-normalità, il-kumpanija qed tevalwa numru ta’ xenarji varji sabiex eventwalment ikunu jistgħu jiftħu l-parks tagħhom.