Minkejja l-pandemija tal-Covid-19, il-kumpanija tal-farmaċewtika Baxter f’Malta rnexxiela tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha b’20% u b’hekk ser tkun qed timpjega mal-100 ħaddiem ġdid.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri waqt żjara f’din il-kumpanija f’għeluq it-tletin anniversarju tagħha tal-operat f’Malta.
“Fi ftit żmien qasir addattaw għar-realtajiet ġodda u minn sfida ħarġu opportunità. Opportunità li qed niċċelebraw b’żieda ta’ għoxrin fil-mija tal-produzzjoni u 100 impjegat ġdid.”
Fil-fatt il-Ministru Schembri tenna li minħabba ż-żieda fid-domanda għal xi prodotti mediċi, Baxter rat li timmassimizza l-livelli ta’ produzzjoni tagħha biex tagħmel il-prodotti użati fil-kura tal-pazjent bil-COVID-19.
Id-Direttur Maniġerjali ta’ Baxter, is-Sur Brian Tabone tenna s-sodisfazzjoni tiegħu għall-għajnuna tal-Gvern u l-Malta Enterprise anke f’dan iż-żmien ta’ pandemija.
“Inkunu nistgħu nattiraw attività ġdida li ħa tkun qed tiżdied matul dan iż-żmien, attività li kienet possibbli bl-għajnuna li dejjem ingħatajna mill-Ministeru u minn Malta Enterprise sabiex b’hekk inkunu nistgħu nilqgħu u nipproduċu prodotti li jkunu jservu ta’ ġlieda kontra l-Covid-19.”
Kawża tal-imxija ta’ COVID-19, Baxter, li tqalla’ l-ħobża ta’ kuljum lil ħames mitt ħaddiem ħadet miżuri proattivi biex tipproteġi s-sigurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Dan filwaqt li qed tipprovdi għajnuna lill-fornituri tal-kura tas-saħħa u dawk affettwati mill-pandemija fosthom billi żżomm mal-provvista globali tal-prodotti tagħha li jsalvaw il-ħajjiet.
Il-kumpanija qalet li d-domanda żdiedet b’mod sinifikanti b’ħames darbiet il-livelli normali ta’ ordnijiet għall-fluwidi u apparat mediku ieħor.