Ġie inawgurat investiment dirett barrani ta’ €16 miljun mill-kumpanija A2W Pharma.
Dan wara li l-kumpanija għażlet lil Malta biex tespandi l-operat tagħha u tirriċerka u tiżviluppa prodotti innovattivi fil-qasam tal-farmaċewtika u x-xjenza.
B’dan l-investiment, il-kumpanija Amino Chemicals li ilha taħdem f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 30 sena, fetħet kumpanija sussidjarja biex tipproduċi wkoll prodotti relatati mal-kannabis mediċinali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Amino Chemicals, Antonio Sommei spjega kif Malta hija ideali għal investiment bħal dan anke minħabba l-abiltajiet diversi tal-ħaddiema Maltin.
“I think in Malta there are now good skilled people to develop new activities.”
Fl-inawgurazzjoni ta’ din il-faċilità ġdida tal-kumpanija f’sit industrijali fil-Marsa, il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli qalet kif din in-niċċa speċjalizzata ser twassal għal attività ekonomika importanti oħra.
Dan filwaqt li investiment bħal dan huwa turija ta’ fiduċja f’pajjiżna minn kumpaniji barranin.
Hija stqarret kif il-ftuħ ta’ din il-faċilità għal din il-kumpanija huwa pass importanti sabiex tkun pijuniera fil-qasam tal-kannabis mediċinali.
Dan filwaqt li pajjiżna jitpoġġa fuq il-mappa bħala post adattat sabiex iżjed kumpaniji jiftħu n-negozju tagħhom f’din l-industrija.
Il-Ministru Dalli tenniet, “Jien għalija dak huwa turija ta’ fiduċja fil-pajjiż, turija ta’ fiduċja fl-ekonomija tal-pajjiż u anke fil-ħaddiema li għandna fil-gżejjer Maltin. Jiġifieri qed nitkellmu dwar kumpanija ġdida A2W Pharma li ħa toħroġ minn kumpanija li ilha stabbilità f’pajjiżna li l-focus primarju tagħhom huwa l-medical cannabis, settur li qed inkomplu nippromovu u li rridu nkomplu nattiraw lejn pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia stqarr kif minn dan is-settur tal-kannabis mediċinali rridu noħolqu opportunità ta iżjed impjiegi.
Spjega kif pajjiżna qed isir parti minn katina sħiħa internazzjonali f’dan is-settur.
Farrugia qal, “Allura dak li qed jagħmlu kumpaniji bħal Amino li ilhom 30 sena, kellhom kuraġġ li tespandi f’qasam daqsekk importanti huwa li tmur lejn riċerka u żvilupp u b’hekk joħolqu jobs importanti, jobs ġodda u jobs f’oqsma li huma importanti bħal Xjenza u Teknoloġija.”
L-Ambaxxatur Ċiniż f’Malta Yu Dunhai u rappreżentanti mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini kienu preżenti għall-inawgurazzjoni.