Il-Kummissjoni Venezja ħarġet rapport t’opinjoni finali tagħha dwar l-għaxar abbozzi ta’ liġijiet li tressqu fil-Parlament u li kienu suġġett tal-opinjoni tal-istess Kummissjoni fix-xhur li għaddew.
Bi kliem ċar, il-Kummissjoni Venezja kkummentat dwar il-ħeffa tal-proċess leġiżlattiv li ressaq Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela favur riformi Kostituzzjonali u istituzzjonali.
Il-Kummissjoni Venezja kkummentat favorevolment dwar sitta minn għaxar riformi leġiżlattivi li emendaw il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna u li kienu jeħtieġu l-vot taż-żewġ terzi fil-Parlament.
Fil-fatt dawn il-liġijiet li ressaq il-Gvern kienu sabu l-qbil unanimu tal-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija l-Gvern qal li huwa pożittiv li l-Kummissjoni Venezja qed tirrikonoxxi l-ħidma tal-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela fuq riformi li kienu ilhom fuq il-karta u suġġett ta’ diskussjoni għal snin twal.
Fost ir-riformi li daħlu kien hemm il-prerogattivi li kull Prim Ministru Malti sal-lum dejjem żamm f’idejh, fosthom il-ħatra tal-Prim Imħallef u tal-ġudikanti u l-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija.
F’dawn il-ħatriet, il-Prim Ministru reħa l-poter minn idu u fost oħrajn karigi għoljin imtlew wara sejħiet pubbliċi.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li r-rapport jixhed ix-xogħol li sar mill-Gvern.
Il-Ministru Zammit Lewis stqarr: “Huwa rapport favorevoli li jirrikonoxxi x-xogħol tajjeb li għamilna fejn tidħol il-ġudikatura tagħna, poteri ġodda għal President, fejn tidħol il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fejn jidħlu checks and balances ġodda fost l-istituzzjoni tagħna.”
Il-Gvern ħa nota wkoll tal-osservazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Venezja dwar erba’ riformi oħrajn li għadhom suġġett ta’ diskussjoni fil-Parlament Malti u fakkar fit-tħejjijiet li qed isiru mill-President tar-Repubblika għat-twaqqif tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali.
While some say we are dragging our feet, “the Venice Commission warmly welcomes” our reforms. They confirm we are “strengthening separation of powers” and making “profound and long-lasting” changes that are “an important step in the right direction”. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 9, 2020
Fi tweet, il-Prim Ministru laqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja. “Dan jikkonferma li l-Gvern qiegħed issaħħaħ u jissepara l-poteri”, saħaq Dr. Abela li saħaq ukoll li ħaddieħor qed jgħid li l-Gvern qiegħed ikaxkar saqajh.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Kummissjoni Venezja tat ċertifikat pożittiv ieħor lir-riformi Kostituzzjonali bla preċedent li mplimenta il-Gvern.
Temm jgħid li l-Maltin huma kburin b’pajjiżhom u kburin li l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja tikkonferma x-xogħol kbir li qed iwettaq il-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela.