Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, magħrufa aħjar bħala l-Kummissjoni Venezja faħħret il-passi u r-riformi storiċi li qed jieħu l-Gvern Malti fejn preżenta proposti fost oħrajn għar-riformi fil-ġudikatura, favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, intqal kif ir-riformi jkopru aktar minn 85% tar-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Venezja.
“Ir-riformi jiffukaw prinċiparjament fuq il-ġudikatura, fuq mekkaniżmi ta’ governanza tajba u riformi istituzzjonali. Proċess li ntemm bil-Kummissjoni Venzja tilqa’ faverovolment prattikament il-proposti kollha tal-Gvern Malti.”
Ewlenin fost ir-riformi hemm dawk fil-qasam tal-Ġudikatura u fil-ħatra u t-tneħħija tal-President.
Bir-riformi l-ġodda, il-President ser ikollu l-poter li jagħżel hu l-membri fil-ġudikatura biex b’hekk jitneħħa kull intervent politiku.
Fil-fatt fil-ħatra tal-ġudikatura, il-President ser ikun qed jagħżel minn tliet membri nominati mill-Kumitat għall-Ħatriet tal-Ġudikatura wara sejħa pubblika.
Il-President ser ikun qed jinħatar biż-żewġ terzi u l-istess jgħodd f’każ li jkun hemm lok li jitneħħa.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, magħrufa li ma tħares lejn wiċċ ħadd laqgħet bosta proposti tal-Gvern oħra għal riformi Kostituzzjonali u leġislattivi.
Fost oħrajn semmiet kif bil-proposti li ressaq il-Gvern, se jonqos il-poter minn idejn il-Prim Ministru u nnutat titjib kbir wara l-opinjoni li l-Kummissjoni kienet tat sentejn ilu.
Il-Kummissjoni Venezja nnutat ukoll riforma oħra għaqlija tal-Gvern favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, dik li l-Avukat Ġenerali ma jibqax ikun parti mill-kumitat tal-ħatriet tal-ġudikanti.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni laqgħet ukoll il-fatt li se jkun hemm dritt t’appell fuq Qorti Kostituzzjonali għal deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fuq it-tneħħija ta’ Imħallfin u Maġistrati.
B’hekk il-politiċi, permezz tal-Parlament mhux se jibqgħu involuti f’dan il-proċess sensittiv ta’ tneħħija ta’ membri tal-ġudikatura.
Anki dwar l-Ombudsman, il-Kummissjoni Venezja kkummentat b’mod pożittiv, hekk kif bir-riformi li se jagħmel il-Gvern, se jkun hemm providimenti dwar it-tneħħija jew sospensjoni tal-Ombudsman u l-Parlament se jkun obbligat li jiddibatti r-rapport annwali li joħroġ mill-uffiċċju tal-Ombudsman.
Il-Kummissjoni Venezja semmiet ukoll pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba l-fatt li l-ħatra ta’ kummissjonijiet indipendenti ma jibqgħu jinħatru mill-Prim Ministru iżda mill-Kabinett.
L-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika u l-Awditur Ġenerali se jkunu jistgħu jirrappurtaw każijiet ta’ korruzzjoni direttament lill-Avukat Ġenerali.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega l-passi li jmiss biex issa dawn ir-riformi jidħlu fis-seħħ.
“Dawn huma riformi li l-Gvern issa se jressaq quddiem il-Parlament biex jiġu implimentati mingħajr dewmien u jsiru liġi. B’hekk ikompli jitwettaq il-proċess ta’ tisħiħ tas-saltna tad-dritt, tal-governanza tajba u r-riforma fl-istituzzjonijiet.”
Il-Prim Ministru qal li dawn ir-riformi waslu wara konsultazzjoni mal-President ta’ Malta, l-Oppożizzjoni u s-Soċjetà Ċivili.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis tkellem dwar kif irreaġġixxiet il-Kummissjoni Venezja għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija u s-Segretarji Permanenti.
“Il-Kummissarju tal-Pulizija riformi amministrattivi li hemmek il-Kummissjoni Venezja qalet illi l-proċedura illi qed tiġi użata Malta hija proċedura tajba u konformi mal-prinċipji tat-trasparenza, kontabilità u governanza tajba.”
Dr. Zammit Lewis qal li anki dwar l-ingaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja, il-Kummissjoni Venezja qablet ma’ dak imressaq minn Malta.
Il-Kummissjoni semmiet li huwa kruċjali li dawn ir-riformi jkunu parti minn oħra wiesa’ fil-pajjiż.