Il-Kummissjoni tal-Films se tkun qed toffri l-appoġġ tagħha għall-ħaddiema Maltin, li se jkunu affettwati bl-istrajk internazzjonali mill-unjin tal-atturi ta’ Hollywood.
L-unjin ‘The Screen Actors Guild’ qalet li l-istrajk, li diġà beda fl-Istati Uniti tal-Amerka, beda f’pajjiżna mid-disgħa ta’ filgħodu.
Il-mottiv għal dan l-istrajk jikkonċerna n-nuqqas ta’ qbil bejn l-atturi, rappreżentanti mill-unjin u l-istudios tal-films ta’ Hollywood dwar ħlasijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol, li skont l-istess unjin ikkollassaw.
Il-film ‘Gladiator 2’, li bħalissa qiegħed jinġibed f’pajjiżna, se jkun affettwat b’atturi bħal Pedro Pascal u Denzel Washington, li qegħdin jieħdu sehem ukoll fl-azzjoni industrijali.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, qal li l-Kummissjoni qed turi solidarjetà sħiħa ma’ dawk kollha affettwati. Dan filwaqt li stqarr kif l-entità Maltija qed issegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dan l-istrajk.
Grech innota wkoll li, għalkemm produzzjonijiet bħal dik li għaddejja bħalissa ta’ ‘Gladiator 2’, li huma sinifikanti għall-industrija tal-films f’pajjiżna, mhux kull produzzjoni li bħalissa tinsab qed tinħadem hawn mistennija li tkun affettwata.
Fil-fatt hawn numru ta’ produzzjonijiet li bħalissa qed jinħadmu f’pajjiżna li x-xogħol fuqhom se jibqa’ għaddej b’mod normali.
Il-Kummissarju tal-Films serraħ ras il-pubbliku, li minkejja li l-ġbid tal-films hu teknikament sospiż, dan ma jfissirx li kull tip ta’ xogħol relatat mal-industrija huwa wieqaf.
Johann Grech spjega li, “Hu importanti li ngħidlek li waqt id-diskussjonijiet li kellna mal-produzzjoni u l-producers ta’ Gladiator fhimna li x-shoot għalkemm hija paused, hi sospiża, imma hemm attivitajiet oħrajn tal-produzzjoni li wħud mill-crews tagħna ħa jibqgħu jaħdmu fiha f’din l-attività biex ikunu qed jippreparaw, qed nippreparaw lilna nfusna biex, ladarba l-filming ikompli, ix-xogħol tagħna ikun lest.”
Il-General Workers’ Union, permezz tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi, ukoll ingħaqdet ma’ dan is-sentiment, hekk kif, fi stqarrija, qalet li wkoll qed toffri l-appoġġ tagħha lejn il-ħaddiema lokali milqutin.
Din l-azzjoni internazzjonali qed taffettwa mal-mija u sittin elf artist madwar id-dinja kollha u s’issa għad mhemmx data meta mistennija li tintemm.
Fost l-atturi li qegħdin jieħdu sehem f’din l-azzjoni internazzjonali hemm Cillian Murphy, Matt Damon u Emily Blunt li fil-jum tal-Ħamis telqu miċ-ċerimonja tal-premiere tal-film ta’ Christopher Nolan, Oppenheimer, li kien qiegħed jittella’ f’Londra, ir-Renju Unit.