Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) esprimiet l-appoġġ sħiħ tagħha għall-emenda mressqa għall-kodiċi kriminali li se tippermetti t-tmiem ta’ tqala meta l-ħajja tal-mara tkun fil-periklu.
“Bħala l-korp nazzjonali tal-ugwaljanza responsabbli mid-diskriminazzjoni fl-isfera tal-provvista tas-servizzi abbażi ta’ sess, l-NCPE tinnota li l-impożizzjoni leġiżlattiva attwali li tipprojbixxi t-terminazzjoni tat-tqala xxekkel l-aċċess tan-nisa għal servizz bażiku tas-saħħa li jsalva l-ħajja,” qalet il-Kummissjoni. “Fil-prattika, dan ifisser li n-nisa qatt ma jistgħu jkunu ċerti li se jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet mediċi dwar saħħithom u ħajjithom peress li t-tobba huma marbuta b’liġi arkajka li ma tipproteġix b’mod adegwat il-benessri tan-nisa tqal u twassal għal tbatija bla bżonn.”
Barra minn hekk, l-NCPE saħqet li, skont id-definizzjonijiet, in-normi, u l-prattiki internazzjonali stabbiliti, m’għandu jkun hemm l-ebda eċċezzjoni għas-“saħħa mentali” meta jkunu qegħdin jiġu stabbiliti x’jikkostitwixxi periklu għas-saħħa u l-ħajja tal-mara. Is-saħħa mentali tan-nisa hija ugwalment importanti daqs is-saħħa fiżika tagħhom u t-tnejn huma marbutin b’mod inseparabbli flimkien.
L-NCPE qalet ukoll li l-isfurzar ta’ eċċezzjoni bħal din mhux biss se tipperikola s-saħħa u l-ħajja tan-nisa bi problemi ta’ saħħa mentali, iżda tibgħat ukoll messaġġ ħażin ħafna li s-saħħa mentali tan-nisa hija ta’ inqas sinifikat.
Il-Kummissjoni appellat ukoll għal aktar sensittività mill-atturi soċjali u politiċi kollha meta tiġi diskussa l-emenda proposta tal-kodiċi kriminali.
“Irrispettivament mill-pożizzjoni tal-individwu fid-dibattitu attwali, l-esperjenzi tan-nisa li għaddew minn żminijiet ta’ sfida u ta’ uġigħ m’għandhom qatt jiġu ridikolati jew miċħuda iżda pjuttost mismugħa, rispettati, apprezzati u mogħtija l-kunsiderazzjoni xierqa,” appellat il-Kummissjoni.