- PROVA ĊARA TA’ KEMM QED TITTIEĦED BIS-SERJETÀ L-ĠLIEDA KONTRA L-KORRUZZJONI
B’29 laqgħa u 76 xhud imħarrek, is-sena li għaddiet il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni kellha waħda mill-iktar snin attivi fl-aħħar deċenju u f’ħidmietha kienet qed tanalizza każi pendenti li kienu ilhom ikarkru snin.
Il-Kummissjoni kif inhi komposta llum inħatret f’Settembru 2014 u meta bdiet il-ħidma tagħha sabet ħdax–il każ pendenti. Dan wara li bejn l-2009 u Settembru 2014 kien preżentat biss każ wieħed lill-Ministru tal-Ġustizzja, f’Novembru 2013.
Fl-2015 l-ewwel sena sħiħa tal-Kummissjoni kif inhi komposta bħalissa nqatgħu tliet każi. Dan wara li f’dik is-sena saru 16–il laqgħa u nstemgħu 29 xhud.
Is-sena li għaddiet imbagħad kienu nqatgħu seba’ każi oħra b’erbgħa minnhom ir-rapport wasal għand il-Ministru. Din is-sena diġà kien hemm każ konkluż u rrapportat lill-Ministru, bil-Ministru jieħdu fil-parlament appena wasal għandu f’att ta’ trasparenza fejn wieġeb ukoll għal domandi dwaru.
Anke jekk dak irrapportat lill-Kummissjoni mhux dejjem jinstab li hu minnu l-fatt li l-Kummissjoni għaddejja b’ħidma ma taqta’ xejn jirrifletti impenn fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni hija magħmula min-nies magħżula miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni qiegħda tkun waħda proattiva fejn tagħmel eżerċizzji kontinwi biex teduka u tipprevjeni.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, qal li ħidmet din il-Kummissjoni hija xhieda oħra ta’ kemm għal dan il-Gvern m’hemmx tolleranza għal dak li hu ħażin.
“Mod tpaċpaċ dwar il-korruzzjoni u mod timplimenta miżuri li jagħtu għodod biex il-korruzzjoni tkun miġġielda,” fakkar il-Ministru Bonnici li żied kif il-fatt li din il-Kummissjoni qiegħda taħdem hija biss bidla waħda minn diversi li kien hemm fl-aħħar snin.
Bonnici fakkar kif erba’ snin ilu ma kellniex liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, ma kellniex liġi tal-whistleblower u kellna l-preskrizzjoni fuq reati ta’ korruzzjoni magħmula mill-politiċi.
“Illum l-iffinanzjar tal-partiti hu regolat, kull min għandu informazzjoni huwa inċentivat biex jgħaddiha u l-politiċi li jagħmlu atti ta’ korruzzjoni jafu li hemm ix-xafra tal-liġi fuqhom tul ħajjithom kollha,” qal Bonnici.
Il-Ministru temm jgħid li “għalhekk hemm differenza bejn li wieħed ipaċpaċ u li wieħed jaġixxi. Ħaddieħor jedha fit-tpaċpiċ aħna nieħdu azzjoni.”