Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u l-kontraparti Alġerin tiegħu Abdelkader Messahel qablu li jagħtu bidu għat-tħejjijiet neċessarji sabiex tingħata l-ħajja mill-ġdid lill-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u l-Alġerija. L-aħħar li ltaqgħet din il-Kummissjoni Konġunta, li twaqqfet biex isservi bħala forum fejn tiġi diskussa l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi diversi oqsma, kien fl-1988.
“Dan l-iżvilupp huwa xhieda vera tal-importanza li ż-żewġ pajjiżi jagħtu lill-bini ta’ kollaborazzjoni eqreb”, qal il-Ministru Abela. “Juri wkoll ir-rieda tajba tagħna li namplifikaw l-interazzjoni kummerċjali, is-sħubiji, u l-proġetti flimkien, partikolarment wara ż-żjarat li kien hemm bejn iż-żewġ naħat f’dawn l-aħħar snin. Huwa żvilupp li mhux biss se jżomm għaddej ir-ritmu tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali fil-livell politiku u kummerċjali, iżda se jservi wkoll biex intejbu l-iskambji fil-livell tekniku u, aktar importanti minn hekk, fil-livell tan-nies.”Iż-żewġ ministri ddiskutew l-aħħar żviluppi fir-reġjun u kif jistgħu jkomplu jissaħħu r-relazzjonijet diġà eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-laqgħa saret fil-marġini tal-14-il Konferenza Ministerjali tad-Djalogu 5+5 tal-Mediterran tal-Punent, li tlaqqgħet nhar il-Ħadd, il-21 ta’ Jannar 2018, fl-Alġier bit-tema “Il-Mediterran tal-Punent: Nippromwovu żvilupp ekonomiku u soċjali inklużiv, kondiviż, u sostenibbli b’rispons għall-isfidi komuni tar-reġjun”.
Waqt l-14-il Konferenza, Malta ngħażlet biex, għas-sentejn li ġejjin, ikollha l-kopresidenza tal-kosta ta’ fuq tad-Djalogu 5+5 wara li Franza temmet il-kopresidenza tagħha proprju fi tmiem il-konferenza. F’dan il-perjodu, Malta se tkun qed tospita l-15-il-Konferenza Ministerjali. L-aħħar darba li Malta kellha f’idejha din il-kopresidenza kien fl-2005.
L-inizjattiva tad-Djalogu 5+5 iġġib flimkien ħames pajjiżi Ewropej u ħamsa oħra Afrikani mill-Mediterran tal-Punent—il-Mawritanja, il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, u l-Libja mix-xatt t’isfel, u l-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja, u Malta mill-kosta tan-naħa ta’ fuq—f’din l-inizjattiva għal qafas propizju għad-djalogu informali fost il-pajjiżi membri f’laboratorju ġenwin ta’ ideat sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħas-sigurtà u l-istabbiltà, l-intergrazzjoni ekonomika, u l-migrazzjoni reġjonali. Id-diskussjoni hija miftuħa għal parteċipanti oħrajn li jistgħu, fil-fatt, jieħdu d-diskussjonijiet f’livell ogħla u aktar tanġibbli.
Fil-fatt, minbarra l-ministri tal-affarijiet barranin tal-għaxar pajjiżi parteċipanti, għall-Konferenza Ministerjali attendew ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati tat-Tkabbir Johannes Hahn (f’isem ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà, u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea), is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran Fathallah Sijilmassi, is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tal-Maghreb Għarbi Taieb Baccouche, u l-President tal-Anna Lindh Foundation Elisabeth Guigou.
Id-diskussjonijiet tal-ministri ffukaw fuq l-iżvilupp ekonomiku inklużiv, kondiviż u sostenibbli, ix-xogħol għaż-żgħażagħ, il-migrazzjoni, u l-iżvilupp sostenibbli. Fuq l-aġenda kien hemm ukoll l-aħħar żviluppi fil-Libja, fis-Saħel, fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Lvant Nofsani, kif ukoll it-terroriżmu u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni.
Il-Ministru Abela qal li Malta temmen li l-5+5 huwa forum importanti għad-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali, billi jipprovdilhom pjattaforma għal skambju tal-aħjar prattiki dwar kif jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi. Filwaqt li rrefera għall-għajnuna għall-iżvilupp u t-twettiq tal-Aġenda 2030 tan-NU bħala għodod importanti biex jitnaqqsu d-disparitajiet soċjoekonomiċi, żied jgħid li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tirnexxi aktar jekk tagħti kas tal-kuntest u l-karatteristiċi kulturali lokali u reġjonali li huma speċifiċi għar-reġjun tal-Mediterran u għall-pajjiżi individwali.
Il-Ministru Abela qal li Malta qed taħdem bis-serjetà sabiex l-Aġenda 2030 titwettaq. Diġà sar progress f’diversi oqsma, notevolment f’dawk li għandhom x’jaqsmu mas-settur marittimu, fejn il-Gvern iffissa miri ambizzjużi li jmorru lil hinn mill-obbligi internazzjonali u tal-UE li għandha Malta. Huwa ħabbar li Malta se tagħmel l-ewwel Evalwazzjoni Nazzjonali Volontarja waqt il-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tal-2018 fi New York, u se tkompli għaddejja bl-impenn tagħha biex sal-2030 tkun wettqet l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli.
Fil-marġini tal-Konferenza Ministerjali, il-Ministru Abela ltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ tal-Alġier, immexxija mill-President tal-Kamra Laid Benamour.
Fl-Alġier, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin kien akkumpanjat, fost l-oħrajn, mill-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Alġerija Philo Meli, u mill-Konslu Ġenerali ta’ Malta fl-Alġier Jerome Spiteri. L-Assistent Direttur – Relazzjonijiet Esterni u Affarrijiet Mediterranji fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Simon Pullicino kien ukoll preżenti, u rrappreżenta lil Malta fil-Laqgħa tal-Uffiċjali Għoljin li saret qabel il-Konferenza Ministerjali.
Ritratt: MFTP