Il-Kummissjoni għall-Anzjani ħadmet biex tiżgura li standards dwar il-ħarsien u d-drittijiet tal-anzjani jiġu applikati mid-dipartimenti, aġenziji u entitajiet kollha li jaħdmu f’dan il-qasam. Dan kien punt li spikka f’rapport annwali li l-Kummissarju għall-Anzjani Mary Vella ppreżentat lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.
Fl-istess rapport kien innutat ukoll x’ħidma saret biex ikun hemm kooperazzjoni akbar fil-ħarsien soċjali tal-anzjani stess. Dan ġie msaħħaħ bi ftehim li l-Kummissjoni għamlet mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali. Fl-istess żmien ittellgħet ukoll l-ewwel Konferenza Nazzjonali għall-Anzjani fejn ġew studjati diversi ideat u viżjonijiet għal dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li s-settur huwa prijorità għal dan il-Gvern.
Huwa stqarr: “Il-Kummissarju tal-anzjani, ilha li twaqqfet madwar sena u x-xogħol tagħha hu li tara li d-drittijiet tal-anzjani, dejjem jiġu ssorveljati u jien persważ illi f’dawn l-ewwel xhur ta’ ħidma tagħna fil-qasam tal-anzjani se nkmplu naħdmu biex l-anzjani tagħna se jkunu prijorità fil-ħidma tal-gvern.”
Il-Kummissarju għall-Anzjani Mary Vella qalet li l-Kummissjoni tasigura wkoll li l-anzjani jgħixu ħajja komda u ta’ dinjità.
Dr Vella qalet: “L-irwol tiegħi bħala Kummissarju tal-anzjani jiċċirkola dwar il-promozzjoni tal-ġid tal-anzjani u l-Kummissjoni għandha sservi ta’ pjattaforma biex kull anzjan u anzjana jilħaq il-potenzjal kollu li jixraqlu.”