Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità qed tappoġġja l-protokoll marbut mal-pre-implantation genetic testing for monogenic diseases, magħruf bħala PGTM.
L-għada li fil-Parlament il-Prim Ministru, Robert Abela, fetaħ id-diskussjoni tat-Tieni Qari tal-liġi tal-IVF u li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, poġġa fuq il-medja tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-protokoll marbut mal-PGTM, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità mhux biss ħarġet tappoġġja dan il-protokoll iżda rrimarkat ukoll li l-Artiklu 25 tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda jobbliga lil Malta bħala pajjiż biex jipprovdi dawk is-servizzi mediċi meħtieġa għall-persuni b’diżabilità li jinkludu identifikazzjoni bikrija u interventi idonji li jnaqqsu aktar diżabiltajiet.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità qalet li, allura, huwa aktar minn ċar li l-PGTM għandu jkun aċċessibbli għal dawk li ma jixtiqux li jgħaddu kundizzjoni ġenetika serja lill-ulied potenzjali tagħhom.
Il-Kummissjoni saħqet fuq id-dritt li l-persuni b’diżabilità jkunu infurmati sew u jkollhom aċċess għas-servizzi li jixtiequ marbuta mal-ippjanar ta’ familja.
Il-Kummissjoni kompliet issostni li l-vuċi ta’ dawk li jixtiequ jsiru ġenituri u jafu li jistgħu jgħaddu kundizzjoni ġenetika serja lill-ulied potenzjali tagħhom kienet nieqsa, u li nstemgħet il-vuċi ta’ dawk li r-rabta tagħhom ma’ dan is-suġġett sensittiv hi purament akkademika, professjonali, jew morali.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sostniet li l-vuċi ta’ dawk li jafu li meta qed jippjanaw għall-ulied jistgħu jgħaddu kundizzjoni ġenetika serja, għandha tingħata spazju għax ħadd daqshom ma jista’ jitkellem fuq esperjenzi ta’ sfida.
Il-protokoll ippubblikat dwar il-PGTM isemmi disa’ kundizzjonijiet ġenetiċi serji li fil-każ tagħhom għandu jsir dan l-ittestjar b’teknoloġija avvanzata.
L-Erbgħa filgħaxija, fil-Parlament, il-Prim Ministru tkellem fuq stejjer ta’ qsim il-qalb li rrakkontaw koppji u individwi li, minħabba kundizzjoni ġenetika serja, l-ulied li kellhom tilfuhom ftit wara t-twelid.
Il-Prim Ministru saħaq li sa issa l-unika soluzzjoni għal dawn il-persuni kienet li jmorru barra minn Malta, bi spejjeż kbar. Huwa qal li pajjiżna ma jistax jibqa’ jesporta l-isfidi ta’ dawn il-koppji barra minn pajjiżna imma dawn il-persuni ħaqqhom li jsiru ġenituri f’pajjiżhom stess.
Il-Prim Ministru saħaq li l-PGTM se jsir skont protokoll stabbilit u serju biex l-IVF ikun proċess li kemm jista’ jkun iġib esperjenza pożittiva. Għalhekk, mhux se jsir testing kapriċċjuż fuq kulħadd.
Il-Prim Ministru stqarr, “M’aħniex indaħħlu xi testing kapriċċjuż, jew inkella testing across the board. Fi kliem iktar sempliċi, mhux kull min se jagħmel l-IVF se jkun jista’ jagħmel dan it-test. Anzi, fil-maġġoranza mhux se jkun hemm il-ħtieġa jew id-dritt li jsir it-test iżda se jagħmluh dawk li jafu li, jekk ma jagħmluhx, minflok il-ferħ ta’ tarbija ġdida, se jaffaċċjaw l-imrar ta’ twelid li miegħu iġib sofferenzi kbar; ta’ mard serju u rari mingħajr ebda kura għalih… saħansitra f’ċerti każi l-mewt wara ftit xhur, liema xhur ikunu ddominati biss minn tbatija; xi ħaġa li żgur li ħadd minnha ma jrid.”