Skrutinju li l-Kummissjoni Ewropea għamlet fuq il-pjan għall-baġit tal-elfejn u għoxrin wera kif is-seba’ baġit ta’ Gvern Laburista huwa konformi mar-rekwiżiti għas-sena d-dieħla.
Il-Ministeru għall-Finanzi nnota b’sodisfazzjon li l-aħħar baġit għal pajjiżna tpoġġa fl-aqwa kategorija possibbli flimkien ma’ tmien stati membri Ewropej oħra, fosthom il-Lussemburgu u l-Ġermanja.
Fi stqarrija l-Ministru Edward Scicluna spjega li issa l-Gvern se jħares ‘il quddiem biex fi ftit jiem il-Kummissjoni Ewropea tiskrutinizza d-dokument uffiċjali tal-baġit għas-sena d-dieħla skont il-proċedura.
Fl-istess ħin kien spjegat ukoll li Malta mistennija tkun fost seba’ pajjiżi fiż-żona ewro li rnexxielhom jaqbżu l-objettivi tal-baġit għal din is-sena.
Dan iċ-ċertifikat mill-Kummissjoni Ewropea jsegwi timbru ta’ eċċellenza ieħor li l-Kummissjoni tat lil pajjiżna ġimgħat ilu meta ħabbret li Malta se tirreġistra l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Ewropa fis-sentejn li ġejjin.