F’kollegament telefoniku fuq One Radio minn Brussell għaliex kien jinsab waqt is-summit dwar BREXIT, il-Prim Ministru Joseph Muscat fost tkellem dwar il-fatt li l-Kummisjoni Ewropea rrikonoxxiet il-miżuri soċjali li ressaq il-Gvern għall-budget għas-sena d-dieħla.
B’differenza għal snin oħra, l-Kummissjoni Ewropea għamlet rimarki pożittivi dwar miżuri li se jkomplu jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies u għal darb’oħra approvat il-budget hekk kif ġie mressaq mill-Gvern Malti.
“Imma kien hemm kummenti illi fost ohrajn dwar il-miżuri soċjali li hemm fil-budget u kienu kummenti pjuttost posittivi li mhux is-soltu jknu minn naħa ta’ Brussell f’rigward ta’ miżuri soċjali. Fost oħrajn ikkumentaw b’mod speċifiku dwar iż-żieda li tajba fic-children’s allowance u ż-żieda fil-pensjonijiet u fuq kollox irrimarkaw id-direzzjoni ta’ policy u ta’ miżuri speċifiċi fir-rigward ta’ familji bi dħul baxx u l-kwistjoni tal-housing.”
Il-Prim Ministru tkellem fl-isfond li Gvern Laburista telaq minn sitwazzjoni fejn pajjiżna kien f’defiċit eċċessiv, b’budgets imressqa minn Gvernijiet Nazzjonalisti, fejn il-miżuri kienet tfissirhom mhux realistiċi
B’differenza għal dan, issa l-Kummisjoni Ewropea qed tgħid li għandna baġit b’miżuri konformi mar-regoli Ewropej.
“Issa ninsabu fully compliant li jiġifieri li dak li qegħdin inbassru aħna mhux biss qed fl-istess linja li qed tbassar il-Kummisjoni Ewropea imma dak li qed nagħmlu aħna il-miżuri li qegħdin nieħdu huma fi ħdan ir-regoli Ewropej.”
Fuq ONE Radio, Dr. Muscat tkellem ukoll fuq it-tnaqqis notevoli fil-faqar.
“Dan jgħaqqad mal-konferma li kellna sa dil-ġimgħa stess illi l-isforzi tagħna dwar it-tnaqqis tal-faqar qed jirnexxu. Filfatt ir-rata ta’ nies jgħixu f’riskju ta’ faqar jew eskluċjoni soċjali bejn l-2013 u l-2017 niżlu bi 17% jiġifieri 16,000 persuna.”
Intant il-Prim Ministru għamel referenza għall-eluf ta’ persuni li rċvew it-tieni iċ-ċekk tal-inġustizzji relatati mal-korpi, ħaddiema tax-xatt u pulizija fost l-oħrajn.
Ċekkijiet li jammontaw għal 11-il miljun ewro minsiha minn Gvernijiet preċedenti u li qed jingħataw riżultat tas-surplus li qed igawdi minnu l-pajjiż.
Il-Prim Ministru semma wkoll l-forum dinji li sar din il-ġimgħa f’pajjiżna dwar l-użu tal-kannabis għal skop mediċinali.
Hawnhekk hekk il-Prim Ministru semma kif pajjiżna qed ikun ukoll pijunier f’dan il-qasam.
L-aħħar parti tal-kollegament, il-Prim Ministru ddedikah għall-investiment f’Għawdex u semma kif kumpanija ġganteska tefgħet ħarsitha fuq il-gżira tat-tliet għoljiet biex tkun parti minn ċentru għall-innovazzjoni.
“Li jkollok ġgant bħal Google li issa bdejna nitkellmu magħhom dwar xogħol ieħor li nistgħu nagħmlu flimkien li wrew il-punt tagħna illi barra li jinvestu f’pajjiżna jkollhom preżenza f’Għawdex għaliha kienet bla dubju ta’ xejn simbolu qawwi ħafna tal-rejuvination politika u iktar minn hekk ekonomika li qed iseħħ f’Għawdex fir-rigward tal-mod ta’ kif qed indaħħlu iktar impetus fl-ekonomija Għawdxija.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif il-Kummissjoni Ewropea mhux biss tat ċertifikat ekonomiku għall-baġit li ressaq il-Gvern Malti għas-sena d-dieħla, iżda mmarkat ukoll in-numru ta’ miżuri soċjali.