It-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2022, maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, innota kif l-ekonomija Maltija għadha miexja fit-triq tat-tkabbir.
Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni Ewropea nnutat kif pajjiżna qala’ daqqa minħabba l-pandemija, iżda qed jirkupra b’mod mgħaġġel.
Skont it-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, din is-sena se jkun hemm tkabbir ta’ 4.2%, waqt li s-sena d-dieħla l-ekonomija mistennija tikber b’4%.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat kif l-impjiegi f’pajjiżna komplew jiżdiedu minkejja l-pandemija. Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna fl-2020 kienet ta’ 4.4%, waqt li s-sena li għaddiet din naqset bi kważi punt perċentwali.
Skont il-Kummissjoni Ewropea, ir-rata tal-qgħad se tkompli tonqos matul din is-sena.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll li d-dejn nazzjonali qiegħed taħt is-60%. Rigward id-defiċit, dan żdied minħabba l-pandemija iżda mistenni jonqos din is-sena u s-sena d-dieħla, minkejja li l-Gvern se jilqa’ għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li dawk li kienu fir-riskju tal-faqar fl-2020 kienu madwar 20%; din ir-rata hija inqas mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dwar l-inflazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea nnutat kif f’Malta qed jiżdied bħall-bqija tal-Ewropa, iżda pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll kif, fis-settur tal-enerġija, il-gvern Malti qed jimpenja ruħu li jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
Malta qed taħdem tajjeb ukoll fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostennibli tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda kontra l-faqar u s-saħħa. Skont il-Kummissjoni Ewropea, pajjiżna qed jaħdem tajjeb ukoll fuq xogħol diċenti u l-ekonomija, fost l-oħrajn.