Il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tiffriża €7.5 biljun f’fondi Ewropej li kellhom jiġu dovuti lill-Ungerija fid-dawl ta’ nuqqasijiet marbuta mas-saltna tad-dritt.
Il-gvern Ungeriż kellu sad-dsatax ta’ Novembru biex jgħaddi sbatax-il riforma li kienu maqbula mal-Unjoni Ewropea. Fis-sajf li għadda l-Kummissjoni Ewropea wissiet lill-Ungerija li jekk dawn ir-riformi ma jidħlux fis-seħħ, il-fondi li kellhom jiġu allokati ma jingħatawx lill-pajjiż.
Il-Kummissjoni Ewropea temmen li r-riformi li ġew fis-seħħ s’issa ma jagħmlux biżżejjed biex jindirizzaw is-saltna tad-dritt fil-pajjiż.
Intant, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tagħti ħamsa punt tmien biljun ewro lill-Gvern Ungeriż bħala parti mill-pjan ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija, hekk kif l-Ungerija huwa l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għadu bil-pjan ta’ rkupru mhux approvat.