F’messaġġ liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet kif it-tilqima kontra l-Covid-19 qed issalva eluf ta’ nies milli jmutu bil-virus.
Dan intqal fid-dawl li l-każijiet ta’ Covid-19 qed jiżdiedu madwar l-Ewropa kollha.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea saħqet li ċ-ċittadini Ewropej għandhom jieħdu d-doża addizzjonali, sitt xhur wara li jkunu mlaqqma kompletament.
Saħqet li din id-doża hija effettiva iżjed mill-ewwel dożi u tagħti aktar protezzjoni liċ-ċittadini, hekk kif tnaqqas l-imwiet mill-virus u tnaqqas ukoll dawk li jidħlu l-isptar kawża tal-Covid-19.
Von der Leyen qalet kif l-Ewropa għandha biżżejjed tilqim għal kulħadd u hawnhekk ħabbret kif sa tmiem il-ġimgħa, l-Unjoni Ewropea se tkun qasmet biljun doża lill-pajjiżi kollha msieħba fl-Unjoni.