Fl-ewwel rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tas-saltna tad-dritt fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, dwar Malta, il-Kummissjoni Ewropea tikkummenta b’mod pożittiv ħafna.
Ir-rapport tal-esperti tal-Kummissjoni Ewropea jinnota numru ta’ riformi li saru mill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Fost oħrajn, ir-rapport isemmi numru ta’ riformi sinjifikanti fis-sistema ġudizzjarja f’pajjiżna.
“In Malta for example, a number of reforms of the justice system have recently been adopted by Parliament to strengthen judicial independence.”
Jintqal kif dawn ir-riformi ġew approvati fil-Parlament, partikolarment dawk ir-riformi li għandhom x’jaqsmu mal-ħatriet tal-ġudikanti u l-fatt li l-Prim Ministru naqqas ħafna mill-poteri tiegħu f’dan ir-rigward.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tgħid bi kliem ċar li hemm liġijiet li mistennija jgħaddu mill-Parlament, li se jkomplu jnaqqsu l-poter tal-Prim Ministru fuq ħatriet ta’ kummissjonijiet indipendenti.
Ir-rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta jsemmi għadd ta’ riformi oħra li prattikament kollha kienu ntlaqgħu mill-Kummissjoni Venezja fosthom il-fatt li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nfatam minn dak tal-Avukat tal-Istat.
Jissemma ukoll il-ħolqien ta’ Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u anki l-ħatriet ġodda permezz ta’ sejħiet pubbliċi tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.
Intqal kif il-Parlament Malti approva riformi dwar il-ħatra tal-President tar-Repubblika, li issa se jibda jinħatar bil-vot taż-żewġ terzi u l-fatt li ġie msaħħaħ l-uffiċċju tal-Ombudsman.
Ir-rapport magħmul minn esperti barranin magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, isemmi lil Malta bħala wieħed mill-pajjiżi li kkopera f’investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet u saħansitra pajjiżna kellu sehem f’miżuri kontra l-korruzzjoni.
“Member states have taken or are envisaging measures to strengthen the prevention and integrity framework. Examples include Bulgaria, Ireland, Greece, Malta, Czechia, Poland & Portugal.”
Il-Kummissjoni Ewropea rrimarkat ukoll li l-Gvern qed jinnota li għad fadal xogħol xi jsir.
Dwar dan il-Kummissjoni Ewropea qed tilqa’ l-impenn tal-Gvern.
B’rabta mal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Gvern Malti laqa’ dan l-aħħar żvilupp bħala ċertifikat ieħor pożittiv għar-riformi storiċi li wettqet din l-amministrazzjoni taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Gvern fakkar fl-ittra li kienet bagħtet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen.
Hija kienet faħħret ir-riformi li wettaq pajjiżna biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis semma d-djalogu strutturat li jeżisti mal-partijiet involuti.
“Aħna qed inżommu ingaġġ totali mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Jourova, Kummissarju responsabbli mill-Ġustizzja biex nibqgħu nkomplu dan ix-xogħol. Dan huwa nkoraġġanti qed jistabilixxina bħala pajjiż, bħala best practice fl-istati membri pero rridu nibqgħu naħdmu għas-saltna tad-dritt u l-bon governanza.” Sostna l-Ministru Zammit Lewis.