Fl-iktar tbassir ekonomiku riċenti tagħha, il-Kummissjoni Ewropea turi li kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019 pajjiżna se jkollu l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-esperti tal-Kummissjoni qed ibassru rata ta’ tkabbir għal Malta ta’ 5.6% fl-2018 u ta’ 4.5% fl-2019.
It-tbassir għal Malta hu iktar mid-doppju tar-rata li bih mistennija tikber l-ekonomija Ewropea fl-istess snin, kif ukoll hu iktar mid-doppju tal-medja tat-tkabbir osservat f’Malta bejn l-2009 u l-2013.
Il-Kummissjoni Ewropea tintitola r-rapport tagħha fuq pajjiżna, “Malta: Growth continues at a sustained pace”. L-esperti tal-Kummissjoni jgħidu li komplew ikunu sorpriżi biż-żieda fil-ġid nazzjonali f’Malta li laħqet is-7.2% fl-ewwel tliet kwarti tal-2017. Dan filwaqt li attribwixxew dan l-iżvilupp għas-settur tal-esportazzjoni, speċjalment il-qasam tas-servizzi.
Dwar it-tkabbir ekonomiku għal din is-sena, l-esperti tal-Kummissjoni qed jgħidu li, “private consumption is expected to become the main driver of growth on the back of strong employment growth, improved consumer confidence and growing disposable income”. Qed jistennew ukoll żieda fl-investment anke matul is-sena d-dieħla.
Minkejja attentati biex tiġi destabilizzata l-ekonomija ta’ pajjiżna, l-esperti barranin baqgħu konvinti li Malta se tibqa’ għaddejja b’ritmu sod – tant li għal darba oħra, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li fis-snin li ġejjin pajjiżna se jkollu l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
F’dan il-kuntest il-Gvern hu kommess li jkompli jinvesti biex l-ekonomija tagħna tissaħħaħ iktar fiż-żmien li ġej.