Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li matul din is-sena Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Skont it-tbassir ekonomiku tax-xitwa, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ekonomija ta’ Malta se tikber b’rata ta’ 5.2 fil-mija, li hija erba’ darbiet aktar mill-medja Ewropea ta’ 1.3 fil-mija. Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar ukoll li l-inqas tkabbir ekonomiku mistenni fl-Italja b’0.2 fil-mija.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’mod b’saħħtu matul l-elfejn u tmintax, b’mod partikolari bi tkabbir b’saħħtu fit-tielet kwart tas-sena li gaħddiet.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta laħaq is-6.2 fil-mija fl-2018, u dan għamel minn Malta waħda mill-aktar ekonomiji dinamiċi fl-Unjoni Ewropea.
Qalet li t-tkabbir ekonomiku kien dovut l-aktar għas-settur tas-servizzi. Qalet li l-konsum privat kien suċċess, riflessjoni ta’ tkabbir b’saħħtu fis-suq tax-xogħol, żieda fid-dħul tal-ħaddiema u r-rata ta’ tifdil qawwija fl-aħħar snin.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jibqa’ wieħed b’saħħtu u li d-domanda lokali mistennija tkun il-fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku fl-2019 flimkien mal-konsum privat u żieda fl-investiment li se jerġa’ jibda jirkupra permezz ta’ investiment f’bosta oqsma bħal dawk fis-settur turistiku, fil-qasam tas-saħħa u proprjetà.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar ukoll li s-sena d-dieħla Malta jkollha tkabbir ekonomiku ta’ 4.6 fil-mija li huwa kważi tlett darbiet aktar mill-medja Ewropea.
Qalet li hekk kif d-domanda globali mistennija timmodera, it-tkabbir ekonomiku mistenni jkompli jistrieħ fuq id-domada domestika, sostnut b’infiq privat u dak pubbliku.
Growth 2019 #ECForecast:
🇲🇹5.2
🇮🇪4.1
🇸🇰4.1
🇷🇴3.8
🇧🇬3.6
🇵🇱3.5
🇭🇺3.4
🇨🇾3.3
🇸🇮3.1
🇱🇻3.1
🇨🇿2.9
🇪🇪2.7
🇭🇷2.7
🇱🇹2.7
🇱🇺2.5
🇬🇷2.2
🇪🇸2.1
🇫🇮1.9
🇳🇱1.7
🇵🇹1.7
🇦🇹1.6
🇩🇰1.6
🇪🇺1.5
🇸🇪1.3
🇫🇷1.3
🇧🇪1.3
🇬🇧1.3
🇩🇪1.1
🇮🇹0.2
Learn more → https://t.co/VBy3qmh5nB— European Commission 🇪🇺 (@EU_Commission) February 7, 2019
B’reazzjoni, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li jinsab impressjonat bit-tbassir tal-kummissjoni Ewropea.
Qal li għal darb’oħra, l-esperti tal-kummissjoni rrevedew ‘il fuq it-tbassir tagħhom tal-ekonomija ta’ Malta minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali hija waħda dgħajfa.
Fil-fatt innota li l-Kummissjoni Ewropea naqqset it-tbassir ekonomiku tagħha għaż-Żona Ewro minħabba Brexit fost fatturi oħrajn.