Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-Iskema ta’ Sussidju fuq ir-Rata tal-Interessi mill-Kummissjoni Ewropea, li ser tkun iffinanzjata mill-Gvern u amministrata mill-Bank Malti għall-Iżvilupp.
L-iskema, li hija miftuħa għan-negozji kollha stabbiliti u li joperaw f’Malta, issodisfat il-kundizzjonijiet kollha tal-Qafas Temporanju stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea. Din l-iskema kienet ikkunsidrata wkoll mill-Kummissjoni bħala neċessarja, xierqa u proporzjonata biex tirrimedja rvell serju fl-ekonomija ta’ stat membru.
“Bi pjaċir nilqa’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni fuq din l-iskema li mistennija li ttaffi l-impatt negattiv fuq il-likwidità tan-negozji u tilħaq il-ħtiġijiet ġodda ta’ working capital minħabba l-effetti tal-COVID-19, bl-inqas spiża possibli għan-negozji”, qal il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna.
Il-Gvern alloka madwar €40 miljun biex iħallas sa 2.5 % tal-interessi dovuti fuq self għal spejjeż rikurrenti tal-kumpanija (working capital), koperti taħt l-iskema ta’ garanziji tal-Bank Malti għall-Iżvilupp COVID-19 Guarantee Scheme, għall-ewwel sentejn. F’ċerti każijiet, in-negozji se jħallsu biss imgħax annwali ta’ 0.1% fuq is-self għall-ewwel sentejn tat-terminu tas-self.
Is-self se jkun disponibbli mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma akkreditati mill-Bank Malti għall-Iżvilupp u se jkopri self fuq spejjeż rikurrenti.