Il-baġit tal-Gvern Malti, jiġifieri l-pjan fiskali, ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea, iżda fl-istess ħin baqgħet ma taqbilx mal-Gvern li jagħti s-sussidju tal-enerġija, azzjoni strateġika mill-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela favur il-familji u n-negozji favur stabbiltà fil-kontijiet tad-dawl.
Riżultat ta’ din l-għajnuna Malta baqgħet bl-orħos kontijiet tad-dawl fiż-Żona Ewro.
Il-baġit Malti għas-sena d-dieħla, li issa għandu l-barka tal-Unjoni Ewropea wkoll, jinkludi l-akbar qtugħ fit-taxxa fl-istorja, b’€140 miljun tnaqqis fir-rata tal-Income Tax li se tmur fil-bwiet tal-ħaddiema kollha, l-għaxar żieda fil-pensjonijiet u żieda qawwija oħra ta’ €250 fiċ-Children’s Allowance, li minnha se jgawdu 63,000 tifel u tifla.
Dan minbarra benefiċċji b’saħħithom oħrajn li nżammew u ssaħħew bħall-Allowance tad-Diżabilità u l-Bonus tat-Twelid jew Adozzjoni.
Fl-analiżi tagħhom tal-baġit ta’ pajjiżna, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea sostnew li ż-żieda fl-ispiża tal-Gvern Malti hi konformi mar-rakkomandazzjonijiet tagħha. Dan hekk kif l-ispiża se tiżdied b’5.6%, filwaqt li l-Kummissjoni kienet irrakkomandat li ma tinqabiżx ir-rata ta’ 6%.
Fejn jidħol l-investiment pubbliku, il-Kummissjoni Ewropea kienet tat il-parir li dan ikun sostnut anke permezz ta’ aktar fondi pubbliċi, u fil-fatt l-esperti nnotaw kif l-investiment pubbliku ffinanzjat minn fondi nazzjonali se jkun 2.9% tal-ġid nazzjonali.
Meta wieħed iħares lejn pajjiżi oħrajn Ewropej, jirriżulta li d-Draft Budgetary Plans ta’ żewġ pajiżi mit-22 li bagħtu dawn il-pjani fiskali, għadhom ma ngħatawx l-approvazzjoni tal-Kummisjoni Ewropea.
Dawn huma l-Olanda, fejn ma kienx hemm qbil fuq iż-żieda proposta fl-ispiża pubblika, u l-Ungerija fejn qed jintalbu aktar dettalji.
Fil-każ tal-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja u l-Litwanja, il-pjani tagħhom ma ġewx sottomessi fil-ħin.