Fuq insistenza tal-MPE Alex Agius Saliba, l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li twettaq il-mozzjoni parlamentari mmexxija mill-istess MPE Laburista permezz ta’ abbozz leġislattiv li se jwassal sabiex il-proposta tiġi fis-seħħ fis-27 pajjiż membri tal-Unjoni Ewropea.
“Nemmen li huwa d-dmir tal-Kummissjoni li tkompli fuq ix-xogħol bieżel u ntensiv li ġie mwettaq fil-Parlament Ewropew.” Dan kien il-kliem tal-Kummissarju Ewropew għax- Xogħol u d-Drittijiet Soċjali Nicholas Schmit, waqt dibattitu f’sessjoni plenarja tal- Parlament dwar ir-Right to Disconnect fi Strasburgu.
Id-dibattitu intalab mill-MPE Alex Agius Saliba u mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li fihom huwa msieħeb il-Partit Laburista Malti. L-għan tad-dibattitu kien li l-Parlament jiġi aġġornat dwar ix-xogħol imwettaq dwar din ir-riforma minn mindu ġie adottat ir-rapport imħejji mill-MPE Laburista fl-2021. Dan id-dibattitu ġie msejjaħ f’mument f’waqtu, speċjalment fid-dawl tar-reżistenza dejjem tiżdied tal-għaqdiet ta’ min iħaddem li dan l- aħħar żammew milli jintlaħaq ftehim bejn l-imsieħba Soċjali Ewropej.
Fi kliem L-MPE Agius Saliba, li kien in-negozjatur ewlieni ta’ din il-proposta “Ilkoll nħossu pressjoni kostanti sabiex naqraw l-emails tax-xogħol fuq il-mobile wara l-ħin, u ninkwietaw li l-imgħallem jippretendi li nagħtu attenzjoni immedjata. Fl-2021, il- Parlament approva b’maġġoranza assoluta ir-rapport li ħejjejt dwar ir-Right to disconnect, li jitlob li tiġi mwettqa Direttiva sabiex il-ħaddiema jiġu mħarsa mill-hekk imsejħa digital obesity, jingħataw id-dritt għal mistrieħ mingħajr indħil diġitali kif ukoll għal iżjed flessibilità permezz tat-telework.” Agius Saliba spjega wkoll li huwa neċessarju li l-liġi tiġi mdaħħla fuq livell Ewropew sabiex il-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jirrifjutaw milli jieħdu telefonati u emails wara l-ħin jew waqt li jkunu fuq btala mingħajr il-biża’ li dan l-aġir ikun ta’ detriment għal karriera.
“Id-dewmien ta’ dan l-aħħar tliet snin wassal sabiex il-ħaddiema ġarrbu piż żejjed u mhux xieraq. Dan jikkonsisti f’sahra mhux imħallsa, nuqqas ta’ mistrieħ, siegħat ta’ xogħol itwal, stress, għejja, solitudni u depressjoni. Għalhekk inħossu li f’din l-era diġitali fejn il-ħinijiet tax-xogħol qegħdin dejjem jinbidlu, ir-Right to Disconnect għandu jiġi meqjus bħala dritt fundamentali tal-ħaddiema.” saħaq L-MPE Laburista wara d-dibattitu.
B’rispons għad-dibattitu fil-Parlament Ewropew fejn kien hemm kunsens wiesgħa għal leġislazzjoni proposta, il-Kummissarju Ewropew Nicholas Schmit wiegħed li l- Kummissjoni se tkun qed timpenja ruħha li ddaħħal leġiżlazzjoni ispirata mix-xogħol imwettaq mill-MPE Alex Agius Saliba b’mod spedit.
Il-mandat tal-Kummissjoni jagħlaq flimkien mat-tmiem tal-leġislatura tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej. F’dawn l-elezzjonijiet l-MPE Agius Saliba se jerġa jkun kandidat tal-Partit Laburista għal darb’oħra. Madankollu, Agius Saliba saħaq li din il-liġi trid tingħalaq mingħajr iżjed dewmien. “Nsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex timplimenta din il- proposta malajr kemm jista jkun qabel ma jasal it-tmiem tal-mandat tagħha. Mhux se naċċetta li t-tmiem tal-leġislatura tintuża bħala skuża għal iżjed dewmien.”