Ftit aktar minn xahrejn u nofs minn meta l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mmexxija minn Ursula von der Leyen tibda l-mandat tagħha għall-ħames snin li ġejjin, il-biċċa l-kbira tal-istati membri nnominaw il-membri għal din l-istituzzjoni tant importanti għat-tmexxija tal-Unjoni Ewropea.
Sbatax-il stat membru nnominaw jew żammew l-istess persuna għall-Kummissjoni li qed tingħaqad ftit ftit biex tgħin fil-programm ta’ ħidma xprunat mill-Ġermaniża Von der Leyen.
Sa issa jidher li hemm tmien Kummissarji mistennija jżommu posthom, is-Slovakk Maroš Šefčovič li fil-Kummissjoni Juncker huwa Viċi-President tal-fergħa eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea.
Miegħu mistenni jkollu sehem ewlieni wkoll fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida sa mill-bidu ta’ Novembru li ġej, Frans Timmermans.
L-Olandiż li ssemma bi prominenza li seta’ jkun hu flok Von der Leyen mistenni jiġi nominat mill-Gvern ta’ pajjiżu li huwa mill-kamp liberali, anki jekk Timmermans ġej min-naħa Soċjalista.
Fost dawk l-uċuh ġodda nominati għall-Kummissjoni Ewropea l-ġdida hemm l-Ispanjol Josep Borrell.
L-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin Spanjol hu bil-ħsieb li jkollu portafoll għoli billi mistenni jieħu post Federica Mogherini u jkun ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Pajjiżna wkoll diġa’ ressaq ‘il quddiem isem għall-Kummissjoni l-ġdida.
Helena Dalli rriżenjat minn Ministru ftit sigħat wara li l-Prim Ministru Malti nnominaha biex issa qed tipprepara għal dak magħruf bħala grilling, skrutinju iebes għal kull Kummissarju nominat li inċidentalment mistenni jsib postu wara li jgħaddi mill-għarbiel, nhar il-qaddisin kollha.
Interessanti li Janez Lenarčič, li bħalissa huwa l-ambaxxatur Sloven għall-Unjoni Ewropea m’huwiex politikament affiljat ma’ xi partit iżda huwa nominat biex ikun wieħed mill-idejn leminija ta’ Ursula von der Leyen.
Dan apparti il-Grieg Margaritis Schinas, li tul il-Kummissjoni Juncker kien il-Kelliem ewlieni għall-Kummissjoni Ewropea, issa se jkun parti minn dik l-istituzzjoni li tant tkellem għaliha.
Wieħed jaħseb biss kemm il-qaddis dawn il-persuni nominati jistgħu jitolbu l-interċessjoni qaddisa tagħhom sabiex finalment jieħdu posthom u jibdew jaqdu dmirijiethom fl-interess taċ-ċittadini Ewropej.