Il-Kummissjoni Ewropea ġabet fix-xejn allegazzjonijiet li ilhom għaddejin snin fuq ogħti ta’ visas minn pajjiżna. Dan wara xhur ta’ stħarriġ minn naħa tagħha.
L-għajdut li Malta tat madwar 88,000 Schengen visa lil ċittadini Libjani, wasslet biex f’Lulju li għadda, MEP bl-isem ta’ Mario Borghezio jagħmel mistoqsija lil Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos. L-allegazzjoni kienet li dawn il-visas inbiegħu, u mhux darba u tnejn li ssemmew nies qrib il-Gvern fl-allegazzjonijiet li saru. Kull allegazzjoni rriżultat infondata u din id-darba hemm konferma oħra.
Fil-mistoqsija tiegħu, l-MEP għamel tiegħu dak li kien biss allegazzjoni u qal li b’dan kollu jistgħu jidħlu nies tal-Istat Iżlamiku fl-Unjoni Ewropea u li minħabba Malta se tkun imminata s-sigurtà Ewropea.
Il-Kummissarju Ewropew nnotat li bejn l-2015 u l-2016 Malta għalqet is-sezzjoni tagħha tal-Visas fil-Libja. Dan bħal pajjiżi membri oħra u għalhekk ma proċessat ebda visa. Dikjarazzjoni li ġġib fix-xejn l-allegazzjonijiet ta’ Ivan Grech Mintoff tal-Alleanza bidla, l-MEP Anna Gomez u MEPs tal-Partit Nazzjonalista. Saħansitra ntqal li l-istatistika dwar visas lanqas tinżamm skont in-nazzjonalità, iżda skont il-post minn fejn issir l-applikazzjoni. Indikazzjoni oħra ta’ kemm il-kwistjoni ta’ 88,000 visa ma kienet xejn għajr allegazzjoni infondata.
Fuq kollox kien iċċarat li l-Kummissjoni Ewropea m’għandha ebda informazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li saru.