Kelliem għal Kummissjoni Ewropea u Kummissarju Ewropew għal Ġustizzja Vera Jourova għażlet li ma tikkummentax wara li Alfred Sant iddikjara li l-Kummissjoni taqbad ma’ banek żgħar fi stati membri żgħar bħal Malta, iżda tagħlaq għajnejha għall-atti kriminali li jsiru mill-banek Ewropej il-kbar. Kelliem għal KE qal lil KYC 360 li ‘Il-Kummissjoni ma tikkummentax fuq kummenti’, u irrefera għat-talba tal-Kummissjoni biex id-Dipartiment Malti ta’ kontra l-ħasil ta’ flus iżid is-sorveljanza fuq il-banek f’pajjiżna.
KYC360 hija ċentru globali kontra l-kriminalita` finanzjarja u l-konformita` mħaddma minn Global Technologies – waħda mill-akbar intrapriżi li qed tikber b’rata mgħaġġla fid-dinja u impenjata biex telimina l-kriminalita` finanzjarja permezz ta’ ‘screening’ intelliġenti tal-klijenti u analiżi teknoloġika tad-data.
KYC360 irrapportaw li l-Kummissjoni Ewropea ġiet akkużata mill-ex Prim Ministru Malti li hija preġudikata dwar investigazzjonijiet ta’ attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus.
“Alfred Sant semma speċifikament lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Vera Jourova, u qal li qatt ma ssemmi ġganti bankarji involuti fi skandli ta’ ħasil ta’ flus, bħal Deutsche Bank, iżda tagħżel minflok li tiffoka fuq banek żgħar ibbażati f’pajjiżi bħal Malta.”
KYC360 qalet li l-Bank Ċentrali Ewropew riċentement irtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus ibbażat f’Malta wara allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u l-arrest, mill-Istati Uniti, tal-fundatur tiegħu wara allegazzjoni ta’ vjolazzjoni tas-sanzjonijiet.
“Mhux kurjuża li f’daqqa waħda tibda tisma’ fuq bank ċkejken f’pajjiż ċkejken u mhux fuq Deutsche Bank jew Danske Bank. Ejja niffokaw ukoll fuq il-ħut il-kbir, il-ħut il-kbir ma jissemmiex mis-Sinjura Jourova pereżempju….[Jeżistu ħafna eżempji fil-Ġermanja u fi Franza] u ma jissemmewx,” KYC360 ikkwotat lil Alfred Sant meta intervistat minn France 24.
KYC360 talbet lil Alfred Sant jiċċara l-istqarrija tiegħu għax qalet li kien hemm mumenti fejn il-Kummissarju Jourova ddiskutiet il-kwistjoni tad-Danske.
“Il-kwistjoni mhix li ssemmi jew ma ssemmix l-iskandli meta jseħħu. Il-kwistjoni hija l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet b’ħafna pompa fil-media ta’ abbużi sistematiċi fuq skala Ewropea jew ekwivalenti. Is-Sinjura Jourova kienet kuntenta tagħmilha b’pubbliċita` sħiħa, għal każ relattivament żgħir tal-Bank Pilatus f’Malta kif ukoll fil-każ tas-settur finanzjarju relattivament żgħir ta’ Malta iżda bilkemm għamlet l-istess (mhux “issemmihom” biss) fil-każijiet tad-Danske, Deutsche etc,” Alfred Sant wieġeb lil KYC360.
Kemm Deutsche u kemm Danske Bank tħammġu fi skandli ta’ ħasil ta’ flus. Is-sena l-oħra Deutsche qabel li jħallas lil Awtoritajiet Brittaniċi u Amerikani s-somma ta’ €620 miljun f’penalitajiet. Riċentement Danske Bank qal li l-fergħa tiegħu fl-Estonja ipproċessat madwar €200 biljun ta’ flus ta’ oriġini suspettużi fuq numru ta’ snin. Huwa maħsub li ħafna minnhom huwa maħsula, irrapportat KYC360.