Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet l-abbozz ippreżentat minn pajjiżna bħala parti mill-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima. L-istituzzjoni Ewropea elenkat ħames oqsma li fihom rat żvilupp pożittiv, fosthom dwar ix-xogħol kontinwu fis-sigurtà tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni fit-trasport, l-impenji internazzjonali taħt il-Ftehim ta’ Pariġi, it-tnaqqis tat-tniġġis u s-setturi ta’ riċerka u innovazzjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet il-pjan tas-sigurtà tal-enerġija Malti bħala “mod konvinċenti” li jistabbilixxi miri u l-politika biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tal-politika biex jiżdiedu r-rinnovabbli u miżuri li jsaħħu l-effiċjenza, fost oħrajn.
Dwar dan tkellimna aktar mal-Ministru Miriam Dalli, li hi responsabbli minn dan il-qasam, fejn sostniet ukoll kif intlaqgħu pjani minn pajjiżna biex jindirizza t-tniġġis mill-ġestjoni tal-iskart u anke mis-settur agrikolu.
“Kif qed naraw li niddekarbonizzaw ċerti setturi tat-trasport bi proġetti, bħalma huma x-shore to ship, u anke fejn jidħlu affarijiet relatati mat-tibdil fil-klima u anke riċerka u innovazzjoni.”
Miriam Dalli – Ministru
Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea faħħret ukoll l-inizjattiva bejn Malta u Ċipru biex jippromwovu attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni.
Ma’ dawn, il-Kummissjoni Ewropea żiedet ukoll rakkomandazzjonijiet biex il-pjan, li għandu jiġi ppreżentat fil-verżjoni finali tiegħu sa Ġunju li ġej, ikompli jitjieb.
Dwar dan il-Ministru Miriam Dalli kompliet itenni l-mira tal-Gvern favur id-dekarbonizzazzjoni b’konformità mad-direzzjoni Ewropea.
“F’Ġunju rridu naraw li nagħtu aktar informazzjoni biex inkunu fit-triq ovvjament niddikarbonizzaw l-ekonomija ta’ pajjiżna sas-sena 2050. Dik hi l-mira tagħna bħala pajjiż. Hi l-istess mira li għandha l-Unjoni Ewropea u allura l-pjani tagħna jridu jkunu qegħdin iwasslu f’dik id-direzzjoni.”
Miriam Dalli – Ministru
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, il-Gvern tenna l-impenn tiegħu li jibqa’ ta’ spalla għall-familji u n-negozji fid-dawl taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.
Intqal li l-Gvern għażel l-istabilità tal-prezzijiet biex jassigura li l-ekonomija tibqa’ għaddej fir-ritmu tajjeb li tinsab fih u ntqal li din il-politika hi ta’ interess primarju wkoll bħala għodda biex tiġġieled l-inflazzjoni.
Minbarra hekk, ingħad ukoll kif pajjiżna stabilixxa pjan ambizzjuż għall-użu tal-enerġija rinovabbli, bil-mira hi li jintużaw riżorsi potenzjali oħrajn, bħall-ibħra inkluż dawk ’il barra mit-territorju tagħna.
Il-Gvern qal li hu impenjat li jiżviluppa industrija tal-enerġija rinovabbli barra mill-kosta għal tranżizzjoni lejn in-newtralità tal-klima sal-2050.