Għat-tieni sena konsekuttiva l-Kummissjoni Ewropea kellha biss żewġ rakomandazzjonijiet għal pajjiżna. Dan meta fl-2013, wara l-bidla fil-Gvern, il-Kummissjoni kellha sitt rakomandazzjonijiet għal pajjiżna. Fil-fatt, huma biss l-Isvezja u d-Danimarka li ghandhom anqas country specific recommendations minn pajjizna.
F’ċertifikat ieħor għat-tmexxija għaqlija ta’ Joseph Muscat, din is-sena kienet l-ewwel darba f’kemm ilhom isiru l-country specific recommendations li pajjiżna ma ingħatax rakomandazzjoni dwar id-defiċit. Għal kuntrarju, l-Kummissjoni Ewropea tinnota li d-defiċit se jkompli nieżel għal taħt il-ħamsin fil-mija tal-prodott domestiku gross sal-elfejn u għoxrin. Suċċess kbir li jrid jittieħed fil-kuntest ta’ pajjiż li fl-2013 iddaħħal fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv minħabba t-tberbiq sparpaljat tal-Gvern preċedenti.
Ir-rapport ikompli billi jirrikonoxxi d-direzzjoni tal-Gvern attwali li jsostni u jkabbar is-surplus li Joseph Muscat irreġistra għall-ewwel darba f’ħamsa u tletin sena. Saħansitra l-Kummissjoni Ewropea tgħid li s-sena d-dieħla Malta mistennija tirreġistra l-akbar surplus fl-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx hemm bidla fid-direzzjoni. Problema oħra li wiret dan il-Gvern u l-Kummissjoni dejjem kienet tħambaq fuqha kienet is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet u l-età tal-irtirar. Iżda għat-tieni sena konsekuttiva, il-Gvern irnexxielu jelimina rakkomandazzjoni b’miżuri effettivi.
Tant li l-istess rapport ifaħħar iż-żieda fil-pensjoni u jinnota li l-miżuri mwettqa sa issa mistennija jkomplu jtejjbu l-għajxien tal-anzjani tagħna. Rakomandazzjoni li qed tagħmel il-Kummisjoni hi dik dwar is-superviżjoni tas-settur finanzjarju. Sfida li qed jaffaċċjaw bosta pajjiżi oħra u dan il-Gvern kommess li jindirizza kemm-il darba jingħata mandat ieħor biex ikompli jmexxina ‘l quddiem. B’referenza għas-sistema tat-tassazzjoni, il-Kummisjoni Ewropea tfaħħar lil Malta għas-sistema vantaġġjuża tagħha u tinnota li pajjiżi bħal Ġermanja, l-Italja u Franza għandhom sistemi li m’humiex effiċjenti u li jxekklu l-investiment.
Dan f’konferma oħra li s-sistema Maltija tgawdi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea anke jekk pajjiżi kbar għandhom interessi oħra. Huwa biss b’Joseph Muscat Prim Ministru li nistgħu nibqgħu mexjin f’din id-direzzjoni pożittiva. L-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea huwa l-aħħar konferma li l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej. Għal kuntrarju, Simon Busuttil huwa theddida għal progress reġistrat sa issa, u bil-wegħdi popolisti tiegħu nirriskjaw li mmorru lura għal proċedura tad-defiċit eċċessiv u miżuri t’awsterità.