It-tbassir ekonomiku għal pajjiżna għar-Rebbiegħa, skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea, huwa wieħed pożittiv ħafna u li huwa possibbli biss wara li pajjiżna, taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat irnexxielu jirreġistra surplus għall-ewwel darba wara 35 sena.
Ir-rapport jinnota Malta aktar b’saħħitha, fiduċja akbar f’pajjiżna u pajjiż li minn defiċit se jkompli jesperjenza surplus u aktar tkabbir ekonomiku.
Ir-rapport jinnota li wara t-tkabbir ekonomiku li esperjenza pajjiżna f’dawn l-aħħar tliet snin, jiġifieri fl-2014, 2015 u 2016, l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tkompli tikber mhux biss fl-2017 iżda anke fl-2018.
“Is-suq tax-xogħol f’Malta sejjer tajjeb, għalhekk il-qgħad mistenni jkompli jinżel għal rati rekord. Il-bilanċ ekonomiku wassal għal surplus fl-2016, li biż-żieda fid-dħul mistenni jkompli.”
It-tbassir jinnota li fl-2016 pajjiżna irreġistra żieda fil-prodott gross domestiku ta’ 5%. Dan it-tkabbir ġie rreġġistrat primarjament permezz tas-servizzi tal-gaming u servizzi professjonali oħra.
Iżda t-tbassir għal pajjiżna huwa ukoll wieħed pożittiv hekk kif fi kliem il-Kummissjoni Ewropea fl-2014 u 2015 pajjiżna kellu tkabbir “straordinarju”, bl-investiment f’pajjiżna jibqa’ ferm ogħla mill-medja storika.
It-tbassir għar-Rebbiegħa huwa li l-prodott gross domestiku jkun ta’ 4.4% fl-2018, bir-rapport jinnota li permezz tad-dħul li Malta għamlet mill-programm taċ-ċittadinanza, s-surplus fl-ekonomija ta’ Malta mistenni jkompli jiżdied gradwalment.
Minn din l-ekonomija b’saħħitha se jkunu qed jibbenefikaw iċ-ċittadini Maltin, hekk kif huwa imbassar li s-suq tax-xogħol ikompli jikber u mistennija jkompli jiżdiedu n-nisa li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Żieda importanti li se tkun qed tkompli tnaqqas il-qgħad.
Il-Bank tal-iżvilupp Malti li huwa riżultat tal-ħidma ta’ Gvern Laburista ukoll mistenni li jattira aktar investiment lejn pajjiżna. Iżda mhux biss, il-Kummissjoni Ewropea innotat li ż-żieda fil-paga minima se tkun qed iżżid il-konsum privat.
It-tbassir huwa ukoll pożittiv għaliex il-Gvern minkejja li introduċa numru sinifikanti ta’ miżuri, kien bilgħaqal fin-nefqa tiegħu. Fil-fatt ir-rapport jgħid:
“In-nefqa tal-Gvern żdiedet iżda b’ritmu anqas mgħaġġel meta kkumparat ma’ snin preċedenti. Dan minkejja żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku u spejjeż oħra, fosthom marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.”
Dan ifisser li wara t-tkabbir ekonomiku li rnexxielu jikseb pajjiżna f’dawn l-aħħar erbà snin, pajjiżna se jkun qed ikompli jirreġistra surplus mhux biss matul din is-sena iżda anke fl-2018. Bl-Unjoni Ewropea b’aktar fiduċja f’pajjiżna u pajjiż b’saħħtu li se jkompli jkun attrazzjoni għall-investiment.
Il-messaġġ tal-Prim Ministru fuq twitter dwar dan iċ-ċertifikat:
@EU_Commission forecasting that in 2017 and 2018 #Malta will have highest fiscal surplus and amongst highest real GDP growth in EU -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) May 11, 2017