Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-Fond għas-Sigurtà Interna għal Malta għall-perjodu 2021-2027.
€27 Miljun se jiġu investiti bil-għan li dan il-programm jipprovdi gwida strateġika biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni, itejjeb il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri u tkompli l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata.
Dawn il-fondi se jiġu investiti biex fost oħrajn jitwaqqfu data repository systems għall-iskambju ta’ informazzjoni, jissaħħaħ l-Asset Recovery Bureau, jitwaqqaf ċentru li jsaħħaħ il-kapaċitajiet relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità fosthom il-ħasil tal-flus u jkun hemm tisħiħ fit-teknoloġiji biex jiġu traċċati reati kriminali.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri, filwaqt li laqa’ l-approvazzjoni ta’ dawn il-fondi, qal li issa dawn is-€27 miljun se jkunu qed jintużaw għall-proġetti li l-għan tagħhom huma li jħarsu u jipproteġu aktar liċ-ċittadin. “Permezz ta’ dawn il-fondi se nkunu qed naraw li f’pajjiżna, jkollna l-aqwa għodod biex niġġieldu l-kriminalità u nibqgħu nagħmlu minn pajjiżna wieħed tal-għola livell fejn tidħol sigurtà,” stqarr il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett laqa’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u qal li b’din l-approvazzjoni dan il-programm se jippermetti li Malta tinvesti aktar fondi f’settur tant importanti li jħares is-sigurtà tal-pajjiż. “Il-ħtiġijiet ta’ dan il-programm se jwasslu biex jikkontribwixxu lejn is-sigurtà nazzjonali u jindirizzaw l-għan tal-fond u jiffoka fuq livell għoli ta’ sigurtà fl-Unjoni Ewropea,” qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.