Il-Kummissjoni Elettorali saħqet li ma tagħmilx distinzjoni bejn votanti skont it-twemmin politiku tagħhom u r-reġistru elettorali ppubblikat fi Frar li għadda, malli ġie ffirmat ir-Writ, huwa sostanzjalment korrett u qed jintuża għall-elezzjoni ġenerali.
Il-Kummissjoni Elettorali wieġbet għal kummenti li dehru fuq il-midja soċjali rigward persuni li jinsabu miżmuma bħala priġunieri fil-ħabs u li vvutaw meta kienu tilfu dan id-dritt minħabba li qegħdin iservu sentenza ta’ aktar minn 12-il xahar ħabs.
Il-Kummissjoni Elettorali ċċarat li hija tiddependi minn diversi sorsi biex iżżomm ir-reġistru aġġornat u ma tistax taqta’ votant mir-reġistru jew iddaħħal votanti ġodda jekk ma jkunux segwiti r-rekwiżiti u l-proċeduri stretti stabbiliti fil-liġi elettorali.
Il-Kummissjoni Elettorali qalet li hija dejjem imxiet mal-liġi elettorali u dawk kollha li jidhru fir-reġistru elettorali huma dawk li għandhom id-dritt skont il-liġi elettorali li jivvutaw.