Il-Kummissjoni Elettorali informat li għadha kemm ippubblikat ir-Reġistri Elettorali riveduti għall-Elezzjoni Ġenerali, dik għall-Kunsilli Lokali u tal-Unjoni Ewropea fil-Gazzetta tal-Gvern tal-24 ta’ Ottubru.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354), u/jew skont l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) u/jew skont l-Att dwar l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew (Kap. 467), sad-data tal-għeluq, it-30 ta’ Settembru, 2023, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru rispettiv u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu, skont l-Artikolu 39 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, sa nhar it-Tlieta l-14 ta’ Novembru, 2023, biex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali rispettiv.
Il-Kummissjoni Elettorali għamlet aċċenn għall-ivverifikar tal-isem fir-Reġsitru Elettorali biex b’hekk persuna tkun eliġibbli għall-vot meta jsiru elezzjonijiet, kemm Ġenerali kif ukoll għall-Kunsilli Lokali, għall-Parlament Ewropew jew referenda.
Wieħed jista’ jara jekk hux irreġistrat bħala votant f’dawn ir-reġistri billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?” jew il-buttuna “Fittex fir-Reġistri”.