Minn nhar is-Sibt li ġej, uffiċjali tal-Pulizija se jibdew iqassmu d-dokumenti għall-votazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tas-Sibt 8 ta’ Ġunju.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Kummissjoni Elettorali, fejn intqal li t-tqassim tal-voti se jsir kuljum bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar u bejn it-tlieta ta’ waranofsinhar u d-disgħa ta’ filgħaxija.
Il-Kummissjoni Elettorali qalet li t-tqassim tal-voti se jibqa’ għaddej sal-Ġimgħa 10 jew is-Sibt 11 ta’ Mejju, skont id-distretti elettorali.
Il-Kummissjoni Elettorali appellat biex fid-djar ikun hemm xi persuna responsabbli u li ma tkunx taħt is-sittax-il sena biex tirċievi u tiffirma għad-dokumenti tal-votazzjoni.
Intqal li waqt it-tqassim tad-dokumenti għall-votazzjoni, il-pubbliku se jintalab jikkonferma li jkun irċieva d-dokumenti billi jiffirma fuq il-mobile pprovdut mill-Pulizija, minflok il-ktejjeb li kien jintuża qabel.
Il-liġi elettorali tippermetti wkoll li rappreżentati tal-partiti politiċi jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija waqt it-tqassim ta’ dawn id-dokumenti. Dawn se jkunu ipprovduti b’biljett ta’ awtorizzazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali biex jintwera meta jkun hemm il-ħtieġa.