Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista ħabbret li se tkun qed tilqa’ n-nomini għall-karigi differenti fi ħdan l-amministrazzjoni u l-eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Stqarrija dalgħodu ntqal li se jintlaqgħu n-nominazzjonijiet għall-karigi ta’ Deputat Mexxej Affarjiet tal-Parlament, Deputat Mexxej Affarjiet tal-Partit, President tal-Partit Laburista, Viċi President, Segretarju Internazzjonali, Segretarju Organizzattiv u tnax-il membru ordinarju tal-eżekuttiv nazzjonali.
Il-formoli tan-nominazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-Uffiċju tas-Segretarjat mil-lum l-Erbgħa sas-7:00 ta’ filgħaxija, għada l-Ħamis mid-9:00 ta’ filgħodu sas-7:00 ta’ filgħaxija u nhar il-Ġimgħa mid-9:00 ta’ filgħodu sal-5:00 ta’ waranofsinhar.
Imbagħad, il-Kumissjoni Elettorali se tibda taċċetta l-applikazzjonijiet minn nhar il-Ġimgħa li ġej stess mill-5:30 ta’ waranfsinhar sas-7:30 ta’ filgħaxija, l-għada s-Sibt u l-Ħadd mid-9:00 sal-11:00 ta’ filgħodu.
L-ebda applikazzjoni ma tkun aċċettata qabel il-Ġimgħa fil-5:30 waranofsinhar jew il-Ħadd wara l-11:00 ta’ filgħodu.
Il-Kummissjoni spjegat ukoll li kull membru regolari fil-ħlas hu eliġibbli li jissottometti applikazzjoni għal kull rwol, ħlief għal dik ta’ Deputat Mexxej għall-Affarjiet tal-Parlament fejn huma eliġibbli biss membri Parlamentari.
L-istqarrija temmet tgħid li, biex applikazzjoni tiġi kkunsidrata valida, din irid ikollha proponent u sekondant, li huma membri regolari fil-ħlas u delegati tal-Konferenza Ġenerali 2024.