Stħarriġ li għamel l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, wara tħassib dwar faċilitajiet adegwati fejn il-priġunieri jiltaqgħu ma’ wliedhom, sab li, filwaqt li kien hemm titjib sinifikanti bil-ħolqien ta’ spazju simili barra l-Faċilità ta’ Kordin, ġie rrakkomandat li jkun hemm iżjed spazji simili, anke minħabba domanda qawwija għalih.
Rapport ippubblikat mill-Kummissarju għat-Tfal innota b’sodisfazzjon il-proċeduri li ddaħħlu fl-aħħar żmien, u faħħar l-ispazju, li qed jitħaddem mill-għaqda Mid-Dlam għad-Dawl, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal tenna li kellu laqgħat mat-tmexxija tal-Ħabs u anke żar il-faċilità fil-Marsa, li toffri spazju san ’il bogħod mill-ambjent tal-Ħabs biex it-tfal jiltaqgħu mal-ġenituri jew qrabathom li qed jiskontaw sentenzi ta’ ħabs.
Hawn diġà saru mal-400 sessjoni simili, bis-sehem ta’ ħamsin priġunier u disgħin tfal.
Minkejja dan, ġie rrakkomandat li jkun hemm iżjed faċilitajiet simili, anke għax l-ispazju allokat fil-Ħabs għal dan il-għan mhux xieraq u ġew elenkati miżuri meħtieġa fuq terminu qasir biex dak fil-faċilità stess jitjieb, inkluż b’ġugarelli, kotba u ambjent xieraq fiż-żewġ taqsimiet tan-nisa u l-irġiel.
Ma’ dan ġie rrakkomandat ukoll taħriġ kontinwu lill-gwardjani dwar kif għandhom jittrattaw mat-tfal.