Kull żvilupp fil-każ tal-mewt tat-tifla ta’ seba’ snin li mietet il-ġimgħa l-oħra qed ikun segwit mill-qrib mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. Qal dan l-Uffiċċju permezz ta’ stqarrija. L-Uffiċċju qal li qed jistenna bil-ħerqa ir-riżultati taż-żewġ investigazzjonijiet li ġew ordnati biex jiġu stabbiliti l-fatti kollha. Huwa biss wara li jintemmu dawn l-investigazzjonijiet li l-Uffiċċju jkun f’pożizzjoni li jara jekk għandhiex tittieħed azzjoni dwar xi nuqqasijiet li seta’ kien hemm fissistema u li b’xi mod setgħu ikkontibwew għall-mewt tat-tifla.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li jemmen li anke l-memorja tal-ħajja ta’ din it-tifla għandha tkun protetta mill-ispekulazzjoni. Għaldaqstant l-Uffiċċju jappella biex ir-rappurtaġġ u l-kummentarju pubbliku dwar dan il-każ ikun ibbażat biss fuq il-fatti stabbiliti.
Sostna li ħadd m’għandu jasal ghall-konklużjonijiet u wisq inqas jgħaddi gudizzju dwar responsabiltajiet morali jew kriminal fuq il-mewt tat-tifla qabel ma jsiru magħrufa u ppruvati l-fatti kollha dwar il-każ.