L-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-tfal qed jaħdem sabiex itaffi r-realtà tal-bullying fost it-tfal. Fil-fatt, fl-aħħar snin dan l-uffiċċju ħadem fost oħrajn fuq il-proġett tal-BeSmart Online li għandhu l-għan li jirrimedja l-bullying onlajn.
Jiġifieri mhux biss ġewwa mill-bibien tal-iskejjel, iżda anke barra. Il-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo qalet li din il-ħidma qed issir b’kordinazzjoni bejn diversi entitajiet.
Il-Kummissarju tenniet, “Il-proġett huwa li naħdmu flimkien ma’ l-aġenzija Appoġġ, mac-Cyber Crime Unit, l-uffiċċju tagħna naturalment, u kif ukoll id-dipartiment tal-Edukazzjoni. Qegħdin nagħmlu awareness ukoll iżjed fuq il-bullying u nagħmlu sessjonijiet fl-iskejjel fejn nagħtu r-riżorsi u nagħtu s-sapport anke permezz tal-179.”
Dwar il-każ tal-filmat li deher idur onlajn ftit tal-ġimgħat ilu l-Kummissarju tat-Tfal qalet kif ixxukkjat ruħha x’ħin rat dan il-filmat, għax apparti l-kontenut tiegħu ma kienx xieraq li dan jiġri fuq il-midja soċjali.
Hija stqarret, “M’hijiex xi ħaġa denja li għandha ssir, imma sfortunatament telgħet u tirrifletti ħażin ukoll għax dawn l-affarijiet ma għandhomx isiru u nispera li affarijiet bħal dawn ma jerġawx isiru, speċjalment xi ħaġa li tmur onlajn. Però, nemmen li dawn it-tfal għandhom bżonn l-għajnuna kemm min hu l-vittma u kemm il-bully.”
Vassallo kompliet tgħid li ma tixtieqx terġa’ tara sitwazzjonijiet simili dan għax il-bullying f’kull tip; kemm dak fiżiku u onlajn ma jagħmilx ġieh u jaffetwa mentalment.
Il-Kummissarju Vassallo temmet tgħid li ma jfissirx li għax vittma jsoffri bullying darba, din se tibqa’ tirrepeti ruħha. Madankollu l-għajnuna hija mportanti għax il-bullying jista’ jkollu konsegwenzi fit-tul.