“Qed nagħti garanzija ta’ mija fil-mija li kull allegazzjoni ta’ koruzzjoni se tiġi investigata.”
Iddikjara dan il-Kummissarju tal-pulizija l-ġdid Angelo Gafà, hekk kif fl-ewwel ġurnata tiegħu f’din il-kariga iddedika siegħa mill-ħin tiegħu sabiex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Enfansiza li l-governanza, il-kontabilità u t-trasparenza se jingħataw importanza kbira tul it-tmexxija tiegħu.
“Mhux se nkun influenzat mill-ebda isem. La qatt għamiltu fil-passat u mhux se nagħmlu issa.”
F’sittax-il sena li ilu fil-Korp, Angelo Gafà qal li qatt iddejjaq jinvestiga lil ħadd, anki meta kellu każijiet kbar ta’ korruzzjoni li jinvolvu nies fil-politika.
Spjega li se jkun qed jitlob li jiġi aġġornat fuq numru ta’ każijiet li jkunu qed jissemmew, sabiex jassigura li l-investigazzjoni tkun qiegħda ssir.
“Qatt ma iddejjaqt minn ħadd, nemmen li qiegħed fil-korp biex nservi. Taħt it-tmexxija tiegħi l-Korp mhu se jħares lejn wiċċ ħadd.”
Fl-ewwel ġurnata fit-tmun tal-Korp, Angelo Gafà beda jieħu l-ewwel deċiżjonijiet. L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Alexandra Mamo se tieħu f’idejha t-tmexxija tat-Taqsima Kontra r-Reati Ekonomiċi minflok l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.
Alexandra Mamo, li hija avukat, kienet waħda mill-persuni li applikat għall-kariga ta’ Kummissarju tal-pulizija.
Il-Kummissarju Angelo Gafà qal li jemmen li Alexandra Mamo għandha l-kriterji neċċessarji sabiex tmexxi dan id-dipartiment.
Qal li ma l-Assistent Kummissarju Abdilla ħadem għal disa snin sħaħ u jaf kemm hu dedikat.
“Ma jfissirx li Abdila naqas x’imkien imma nemmen li l-ġustizzja trid tidher li qed isir. Allura dan id-dipartiment se jitmexxa minn Mamo.”
Qal li se jkun qed jagħti prijorita assoluta lir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO, billi jkun hemm strateġija b’kodiċi ta’ etika fost oħrajn kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Angelo Gafà qal li se tkun qed tinbiddel il-liġi sabiex min jikxef il-korruzzjoni fil-korp tal-pulizija ikun jista’ jirrapporta b’mod anonimu.
Iżda wieħed mill-impenni tal-Kummissarju l-ġdid, se jkun li tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fil-Korp tal-pulizija. Fosthom li jissaħħaħ u jinfirex għal lokalitajiet oħra l-kunċett tal-community policing.
“Dawk l-uffiċjali fi triq huma l-mera tal-korp. Iridu jkunu xembju tal*korp u jieħdu ezampju minn ta fuqhom.”
Fost ħidma oħra li se tkun qed issir hemm it-twaqqif tat-taqsima tal-vjolenza domestika. Il-Kummissarju Gafà qal li bħalissa għaddej proċess ta’ għażla sabiex jintgħażlu l-persuni fil-korp tal-pulizija li jmorru jaħdmu f’dan id-dipartiment.
Angelo Gafà spjega li huwa b’dan il-mod li se jintgħażlu l-membri tal-korp li jaħdmu f’postijiet bħalissa, u mhux il-Kummissarju jiddeciedi hu min imur fejn.