Fil-Qorti, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kkonferma li, ta’ kull xahar, ikollu laqgħa mal-Maġistrat inkwirenti fuq l-inkjesta tal-konċessjoni tal-isptarijiet u jimxi skont id-direzzjoni u b’sinerġija mal-Maġistrat.
Il-Kummissarju qal li, f’laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni f’Ottubru li għadda, dan beda jitfagħlu l-kliem f’ħalqu li mhemmx investigazzjoni għaddejja dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Dan meta fl-24 ta’ Ottubru, jumejn wara s-sentenza tal-appell mill-Qorti dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, Bernard Grech flimkien ma’ Adrian Delia u Karol Aquilina marru quddiem id-Depot tal-Pulizija biex jiltaqgħu mal-Kummissarju tal-Pulizija.
Din ix-xhieda mill-Kummissarju tal-Pulizija saret hekk kif kompliet il-kawża Kostituzzjonali mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat quddiem l-Imħallef Doreen Clarke. L-Avukat Charlon Gouder, li qed jidher għall-eks Prim Ministru flimkien ma’ Dr Vincent Galea, urew paġna mill-gazzetta Times li rrapportat dwar din il-laqgħa.
Il-Kummissarju qal li dakinhar hu kellu laqgħat skedati barra l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u ġie avżat li kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni jistennih. Gafà xehed li pprova jċempel lil Grech dak il-ħin fuq il-mowbajl, iżda dan baqa’ ma wiġbux u, imbagħad, wara l-Kummissarju mar minnufih lejn id-Depot.
Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-avukati, il-Kummissarju sostna li l-investigazzjoni dwar dan il-każ ilha għaddejja mill-2019.
F’din is-seduta xehed ukoll il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, fejn qal li ma jridx jippubblika ż-żewġ rikorsi li ressqu preċedentement quddiem il-Qorti. Hu qal li din id-deċiżjoni ttieħdet mill-bord tal-għaqda, li hi qrib l-establishment Nazzjonalista, u mill-Avukat tagħha, Jason Azzopardi.
L-Avukati tal-eks Prim Ministru Muscat tennew li dan ixekkel il-ħidma tal-Qorti, hekk kif intqal li d-deċiżjoni se tittieħed fil-għama. Argumentaw ukoll li l-Qorti Kostituzzjonali hi superjuri minn kull Qorti normali.
L-avukati mill-Uffiċċju tal-Istat oġġezzjonaw għal din it-talba u, f’digriet li tat wara, l-Imħallef Doreen Clarke din ġiet miċħuda.