Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ikkonferma li s-self li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ta lil The Times of Malta sar qabel ma daħal fil-ħajja politika u għalhekk m’hemmx bażi biex jiftaħ investigazzjoni dwar dan il-każ.
Il-Kummissarju investiga ilment li tressaq mill-Professur Arnold Cassola li dan is-self kien jammonta għal theddida għad-demokrazija.
Fl-investigazzjoni tiegħu, il-Kummissarju tal-Istandards qal li bi kliem ċar ħafna li s-self li sar referenza għalih seħħ fl-2012.
Qal li dan seħħ qabel mas-Sur Schembri sar Chief of Staff tal-Prim Ministru u għalhekk qabel ma sar persuna ta’ fiduċja skont il-liġi.
Waqt li sostna li l-persuni ta’ fiduċja għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-assi bħalma jagħmlu l-politiċi, qal li huwa tajjeb li s-Sur Schembri ddikjara pubblikament li kien sar dan il-finanzjament kif jitolbu l-prinċipji ta’ trasparenza u dwar konflitt ta’ interess.
Il-Kummissarju żied jgħid li mir-riċerka li għamel mar-Reġistru Malti tan-Negozji, is-Sur Schembri rriżenja minn direttur tal-kumpanija fil-15 ta’ Marzu tal-2013 u għalhekk m’għandux aktar sehem uffiċjali fit-tmexxija tal-kumpanija Kasco Limited.
Fuq kollox sostna li jibqa’ l-fatt li l-ilment jittratta self li sar fl-2012 u għalhekk m’hemmx bażi biex jiftaħ investigazzjoni dwar dan il-każ.