Propju f’Jum il-Ħelsien, fil-gazzetta ‘L-Orizzont’, il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech tenna li din il-festa nazzjonali sservi ta’ tfakkira tal-ħidma ta’ Malta għal indipendenza f’kull settur, inkluż dak tal-films.
Grech qal li “llum il-ġurnata, pajjiżna m’għandhux biss sfond pittoresk għal produzzjonijiet barranin, anzi qed nikkultivaw industrija sostenibbli u b’saħħitha li tpoġġi t-talent, u l-kreattività Maltija fil-qalba tagħha.”
Intqal kif din is-sena, qed tiġi ċċelebrata l-mitt sena ta’ films f’Malta. Mitt sena li rat bidla fl-industrija li saħħet il-brand image ta’ pajjiżna.
Fl-artiklu, Grech spjega li għal kull ewro li l-Gvern investa fil-films, permezz tal-programm tal-cash rebate, l-industrija tal-films tiġġenera €3 lura fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Grech qal li bis-saħħa tal-cash rebate, pajjiżna qed jattira aktar produzzjonijiet fejn aktar Maltin qed jaħdmu fil-films. B’kollox pajjiżna għandu iktar minn 25 dipartiment, b’700 crew lokali jaħdem full-time, li matul ix-xhur li għaddew issaħħew il-pagi għalihom kollha.
Johann Grech temm jgħid li llum irridu nfakkru l-passi li twettqu biex jiżguraw li l-ħaddiema Malti jiġu aktar rikonoxxuti mill-produzzjonijiet internazzjonali li jagħżlu lil pajjiżna u l-vjaġġ li kien hemm biex tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.