“Min dieħel għal għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija jrid jagħmel xogħlu mingħajr ma jħares lejn uċuħ.”
Dan tennieh il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament waqt it-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jwassal għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid/
Il-Prim Ministru stqarr li x-xewqa tal-Gvern hi li Malta jkollha Kummissarju li jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd. Tenna li l-Kummissarju l-ġdid ser jitħalla jaqdi dmirijietu biex il-poplu jkollu serħan il-moħħ fih.“Ix-xewqa ta’ din in-naħa hi li quddiem dak il-kumitat parlamentari jkollna kandidat li jgawdi jew kandidata li jgawdi jew tgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd. Li nista’ nagħti s-serħan il-moħħ huwa li din in-naħa l-Gvern mhuwiex se jipprova jimbotta lil xi ħadd illi jkun paraventu.”
Fil-Parlament Dr Abela spjega l-proċess li minnu ser jgħaddu l-kandidati għall-kummisarju l-ġdid. Il-kabinett ser jagħżel wieħed miż-żewġ persuni rakommandati mill-kummissjoni għas-servizz pubbliku/ Il-persuna se tiġi skrutinata wkoll mill-kumitat għall-ħatriet pubbliċi.
Dr Abela saħaq li f’dan il-kumitat l-Oppożizzjoni għandha l-irwol kruċjali li tagħmel domandi, diffiċli kemm huma diffiċli lill-kandidat magħżul.
“Fl-istadju tal-kumitat dwar il-ħatriet pubbliċi, hemmhekk l-oppożizzjoni ser tkun qed tilgħab irwol kruċjali bil-mod kif tpoġġi l-pożizzjoni tagħha, bil-mod kif tpoġġi d-domandi, bil-mod li tagħmel id-domandi pertinenti kollha mingħajr ma tkisser lill-kandidat, jekk hemm lok ta’ domandi diffiċli, isiru.”
Il-Prim Ministru appella lil kull min ser japplika għal din il-kariga biex jagħmel eżami tal-kuxjenza iżda assigura li din se tingħata r-riżorsi kollha meħtieġa.
“Min dieħel għal din il-kariga ser ikollu appoġġ sħiħ min-naħa tal-Gvern, anzi mhux appoġġ, nuqqas ta’ indħil assolut. Min jew min se tkun f’din il-kariga ser jitħalla jagħmel ix-xogħol tiegħu, ser jingħata r-riżorsi kollha illi hemm bżonn biex jagħmel ix-xogħol tiegħu però l-Gvern ser ikun qed jistenna ħaġa, li min dieħel għal din il-kariga, irid iwettaq xogħlu.”
Dr Abela temm jgħid li l-kariga ser tibqa’ miftuħa għall-iskrutinju u ser jkollha pressjoni biex tagħmel xogħolha u b’hekk tiġi assigurata s-serjetà u d-dixxiplina li jimxu id f’id ma’ din il-kariga.