Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders talab lill-aħwa Degiorgio, mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li jekk għandhom xi informazzjoni dwar l-omiċidju, jgħadduha lill-Europol.
Reynders wieġeb għall-ittra li bagħtu George u Alfred Degiorgio, permezz tal-avukat tagħhom, u qalilhom li l-Europol hija l-aġenzija tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea li hija involuta fl-investigazzjonijiet tal-qtil ta’ Caruana Galizia, flimkien mal-pulizija Maltija.
Fl-ittra, George u Alfred Degiorgio tkellmu fuq it-talba tagħhom għall-maħfra Presidenzjali u permezz tal-Avukat tagħhom, allegaw li l-Gvern għandu kunflitt ta’ interess.
L-aħwa Degiorgio allegaw li l-eks Ministru Chris Cardona u l-Ministru Carmelo Abela huma implikati f’każijiet kriminali.
It-talba għall-proklama tal-aħwa Degiorgio, kienet ġiet miċħuda u lbieraħ, waqt li kien qed jixhed Vince Muscat, intqal kif George Degiorgio dejjem xtaq li jmorru għall-bomba biex tinqatel Caruana Galizia.
B’rabta ma’ dan il-qtil, hemm mixlija wkoll wieħed mill-aħwa tal-Maksar u Jamie Vella.
Huma ġew mixlija li fornew il-bomba.
Apparti minn hekk, fl-iżbarra hemm Yorgen Fenech, bħala s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fl-aħħar xhur, meta ma kienx hemm talba pendenti għall-maħfra min-naħa ta’ Fenech, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien qal li lest jagħti l-maħfra lill-allegat moħħ wara l-qtil.