Il-Kummissarju tal-Pulizija, Laurence Cutajar, iddikjara li l-investigazzjoni marbuta mal-hi jack tal-Afriqiyah Airways għadhom għaddejin, iżda għamilha ċara li l-pulizija hija marbuta li tressaq il-persuni l-qorti fi żmien 48 siegħa. Dan sakemm ikollha provi biżejjed. Għalissa mhux tingħata informazzjoni dwar jekk iż-żewġ hijackers humiex relatati ma xi grupp.
Cutajar ikkummenta fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern Carmelo Abela li kellu kliem ta’ tifħir għal dawk kollha involuti. Fosthom l-Armata, li l-Brigadier tagħha mexxa n-negozjati, il-pulizija li kkordinaw tajjeb ferm u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li ssejħu l-ajruport li biex jassistu l-iskawdra li hemm apposta l-ajruport għat-tifi tan-nar. Dan wassal biex issejħu l-volontiera tal-Protezzjoni Ċivili fl-istazzjonijiet madwar il-pajjiż biex huma jagħmlu tajjeb għall-istaff regolari.