“Li żżomm lit-tfal ‘il bogħod mill-iskola tista’ tagħmillhom aktar ħsara permanenti milli jagħmel il-virus.”
Qalet dan il-Kummissarju għat-tfal Pauline Miceli hekk kif saħqet li filwaqt li t-tfal għandhom ikunu protetti mir-riskji li jġib miegħu l-virus tal-Covid-19, għandu jitħares ukoll l-aspett edukattiv, mentali u soċjali tat-tfal.
Il-Kummissarju għat-tfal qalet dan b’reazzjoni għal żviluppi li mistennija jsiru fil-jiem li ġejjin b’rabta mad-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru li ġej.
Ma’ ONE News hija qalet li wara li l-uffiċċju tagħha kien f’kuntatt ma’ bosta studenti u tfal dwar l-esperjenza skolastika tagħhom mid-dar minħabba l-pandemija, ġew innutati ħafna każijiet ta’ anzjetà.
Miceli stqarret, “Li nnutajna kienet, b’dispjaċir ngħid, li t-tfal magħluqin id-dar ħassew ħafna anzjeta, l-istat mentali tagħhom din l-anzjeta, ma tħallihomx jimxu normali anke fix-xogħol tal-iskola. Id-dar mhuwiex is-setting tal-iskola.”
Spjegat ukoll li s-sena skolastika li jmiss hija kruċjali għall-ħajja edukattiva tat-tfal hekk kif is-sena ta’ qabel li ntemmet ħesrem setgħet ħalliet element ta’ inċertezza dwar il-livell edukattiv ta’ kull student u studenta.
Hi kompliet tgħid, “Din is-sena tkun iktar diffiċli. L-ewwel nett għandek tfal li s-sena l-oħra diġà kellhom togħma ta’ xi jfisser meta tkun kważi spiċċajt l-iskola u ma tafx fejn inti fir-riżultati tiegħek speċjalment tfal li huma ftit ambizzjużi u bir-raġun.”
Sostniet ukoll l-element ta’ tagħlim soċjali li jitilfu t-tfal meta ma jmorrux l-iskola.
“Hemmek bdejna nirrealiżżaw kemm l-iskola hija importanti biex it-tfal jitgħallmu jagħmluha ma tfal oħra, jissoċċjaliżżaw dik hija fattur importanti huwa argument għaliex ħafna pajjiżi minn madwar id-dinja li l-iskejjel qed jiftħu.” Saħqet Miceli.
Miceli sostniet li dan kollu ma jxejjinx l-importanza li tiġi mħarsa s-saħħa tat-tfal mir-riski li ġġib magħha l-pandemija madankollu appellat sabiex l-awtoritajiet jagħmlu dak kollu possibli sabiex l-iskejjel jerġgħu jiftħu għall-istudenti f’Settembru bil-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha.