Fi stqarrija b’reazzjoni għall-istorja u filmati li qegħdin iduru fil-midja soċjali u anke fuq il-portals tal-gazzetti, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia saħaq l-importanza li dejjem inħarsu d-dinjità tal-persuna, f’kwalunkwe` każ u ċirkostanza.
Id-dettalji ta’ dan il-każ partikolari għadhom m’humiex magħrufa, u fi stqarrija il-Kummissarju għas-saħħa xtaq jiċċara li bħala Uffiċċju ma rċevejna l-ebda informazzjoni uffiċjali, u għalhekk seta’ biss jikkummenta dwar dak li ntqal fil-midja.
Mill-filmati jidher li dawk li ntervjenew biex jagħtu l-ewwel għajnuna, imxew b’mod dinjituż, kif jitolbu każijiet delikati bħal dawn qal il-Kummissarju.
“Din id-dinjità għandha tinżamm f’kull mezz fejn tingħata l-informazzjoni, u għalhekk nisħqu l-importanza li filwaqt li l-midja għandha dmir u dritt tirrapporta ċertu stejjer, dan għandu dejjem isir bi ħsieb u b‘dinjità, fejn jiġi evitat is-sensazzjonaliżmu żejjed, fl-aħjar interess tal-persuni kollha.”
Appella ukoll lill-pubbliku ġenerali sabiex ma jarax dawn il-każijiet bħala sors ta’ divertiment irħis, iżda jqis iċ–ċirkostanzi kollha ta’ ċerta każijiet, speċjalment meta tara aħbar sensittiva bħal din fejn ħadd ma jista’ jkun jaf minn qabel xi jkun wassal għal dak li deher fil-midja.