Il-Kandidati Laburisti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà, talbu lill-Kummissarju għall-Istandards biex jinvestiga lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech b’rabta mal-ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta t-Torċa fejn qalet kif it-talba taż-żewġ Avukati għall-investigazzjoni, qed issir ukoll fuq akkuża li l-Kap tal-Oppożizzjoni żgwida lill-midja u lill-poplu. Dan hekk kif f’intervista li kien għammillu l-ġurnalist ta’ ONE NEWS Samuel Lucas, Bernard Grech kien qal b’mod ċar li l-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista “ġew ippubblikati”.
Il-Kandidati Laburisti kitbu kif “bħalissa l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa responsabbli għall-ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Kif naturalment taf, il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa wkoll Kap tal-Partit Nazzjonalista u membru Parlamentari. F’kull irwol li għandu suppost jieħu l-azzjonijiet meħtieġa kollha bil-għan li jħares il-korrettezza politika u l-ħarsien tal-liġi u mhux taħt it-tmexxija tiegħu qed isir preċiżament il-kontra.”
Fl-istess ittra li bagħtu lill-Kummissarju għall-Istandards il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafa saħqu li għandhom konferma li fil-mument li qed tiġi mressqa din it-talba, dan il-ksur ta’ liġi għadu għaddej.
Fil-fatt, fir-risposta tagħha għall-Protest Ġudizzjarju tas-sotto-firmati, il-Kummissjoni Elettorali esponiet bl-aktar mod ċar il-gideb ta’ Bernard Grech li kien qal li din hija ‘non-issue’ u li l-kontijiet ġew ppubblikati. Fil-verità, jirriżulta li fl-aħħar sentejn il-Partit Nazzjonalista ġie mwissi formalment ħames darbiet biex jissottometti l-kontijiet tiegħu u minkejja dan, baqa’ jikser il-liġi bl-akbar sens t’impunità.
L-ittra tkompli tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, jinjora għal kollox it-twissijiet tal-Kummissjoni Elettorali, qed jikser b’mod lampanti l-kodiċi tal-etika marbuta mal-kariga tiegħu, qed jimmina l-proċess demokratiku meta jċaħħad lill-poplu mill-iskrutinju dovut fuq il-finanzi ta’ Partit li jaspira li jkun Gvern alternattiv. Dan l-aġir arroganti mill-Kap tal-Oppożizzjoni, li jistħajlu ‘l fuq mil-liġi, huwa kundannabbli f’kull sens.
Dawn tennew ukoll li, meta dan kollu l-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħlu bħala ‘ħmerija’, allura l-uffiċċju tiegħu għandu jieħu dan ir-rapport b’serjetà kbira għaliex l-osservanza fil-ħin u l-obbligi tal-liġi m’għandhom ikunu kkunsidrati qatt bħala ħmerija.
F’dan il-kuntest, il-kandidati Laburisti talbu lill-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards biex: jinvestiga l-aġir abbużiv tal-Kap tal-Oppożizzjoni bi ksur manifest tal-liġi u tal-kodiċi tal-etika u jieħu l-passi kollha li jidhirlu xieraq fiċ-ċirkostanzi.