Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, intalab minn Jesmond Bonello biex jinvestiga lid-Deputat u Kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, wara kummenti qarrieqa li għamel dwar il-proġett li se jsir f’Forti Chambray.
Minkejja li d-Deputat tal-Oppożizzjoni kien ivvota fuq dan il-proġett fil-Parlament, fl-aħħar jiem, hu qal li l-Gvern mhux kapaċi jirrestawra elementi storiċi u baqa’ m’għamel xejn kif kien obbligat jagħmel. Dan mhux biss qalu permezz ta’ stqarrija fuq Facebook, iżda wkoll f’kummenti lil midja oħrajn.
Dwar dan il-qerq mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni, issa Jesmond Bonello ressaq ilment mal-Kummissarju għall-Istandards biex jidħol fil-kwistjoni li tmur kontra l-ispirtu li għandhom jimxu bih ir-rappreżentanti tal-poplu.
F’kummenti ma’ ONE News, Bonello, li kkontesta l-aħħar Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fisser kif, id-deċiżjoni tiegħu hi mnebbħa mill-fatt li kull politiku għandu jgħid il-verità u mhux iqarraq bl-elettorat.
Qal, “Il-Fort Chambray, li hu proġett bżonnjuż għal Malta, f’dan il-każ, Alex Borg ħa deċiżjoni, iżda, imbagħad, biex jiġġustfikaha, ta fatti li mhumiex minnhom. Dan ħareġ fil-fatt, bejn dak li qal hu fil-midja għal dak li, fil-verità, fil-Parlament ġie approvat, hemm differenzi kbar.”
Bonello argumenta li Borg, li vvota favur reviżjoni tal-konċessjoni emfitewtika relatata mal-proġett, ippreżenta argumenti skorretti biex jiġġustifika l-vot tiegħu meta qal li l-Gvern reħa minn idejh l-obbligu li jirrestawra l-fortifikazzjoni.
Iżda Bonello qal li, fil-kuntratt li għadda mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi u anke approvat mill-Parlament, jirriżulta bil-kontra. Skont Bonello, fil-kuntratt imkien ma tirriżulta l-allegazzjoni ta’ Borg u għalhekk il-kummenti tiegħu jammontaw għal ksur ta’ etika.
Bonello żied jgħid li ma tistax tiġġustifika deċiżjonijiet b’affarijiet li mhux minnhom.
Stqarr, “Kull politiku għandu jkompli jgħid il-verità u jaħdem fuq is-sewwa, f’kull ċirkostanzi u mhux jipprova jiġġustifika deċiżjonijiet b’affarijiet li mhumiex minnhom.”