Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika ddeċieda li ilment fil-konfront tal-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri ma jkunx investigat.
Kien il-Ministru Camilleri, li ħabbar dan f’kitba fuq Facebook, fejn qal li r-rapport għamlu Arnold Cassola f’nofs ta’ lejl f’Mejju ta’ sentejn ilu u kien ibbażat fuq artiklu li ġie ppubblikat fil-midja tal-establishment Nazzjonalista.
Din il-ġimgħa stess, l-istess Kummissarju sab li lill-eks Deputat tal-establishment Nazzjonalista, Jason Azzopardi, kien kiser il-kodiċi tal-etika meta ma ddikjarax it-taxxa tiegħu, kif kien fi dmiru li jagħmel.
Sadanittant il-Ministru Camilleri nnota li r-rapport li għamel Cassola kien biss imejl mimlija b’allegazzjonijiet bla bażi.
Camilleri sostna li l-Kummissarju għall-Istandards kien ċar dwar ix-xogħlijiet li saru fuq Kemmuna u li kienu bil-barka tal-Awtorità tal-Ippjanar. Ma rriżulta minn imkien, lanqas minn rapport tal-Ombudsman, li x-xogħlijiet kienu saru biex jaġevolaw lill-operazzjonijiet kummerċjali fuq il-gżira u anke kkummenta kif direct order ma jfissirx xi abbuż ta’ poter.
Il-Kummissarju qal ukoll li suspett mhux biżżejjed biex wieħed isib ħtija, iżda jrid ikun hemm provi li jikkonvinċu lil min irid jiddeċiedi. Saħaq li, minflok il-verità u flok qed jitressqu provi, tressqu biss allegazzjonijiet.
Il-Ministru Għawdxi qal li hu kruċjali li l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma jintużax b’mod inġust u abbużiv u jimlih b’gideb u rapporti, li m’għandhom l-ebda bażi.
Fil-kitba tiegħu, Camilleri sostna li qed nispiċċaw f’sitwazzjoni redikola ta’ rapporti bl-addoċċ, mingħajr ebda konsegwenza fuq min jilmenta b’mod frivolu jew bi skop politiku malinn.
Il-Ministru għal Għawdex temm jgħid li l-liġi għandha tkun ġusta ma’ kulħadd.