Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li m’hemmx bażi biex jinvestiga lment magħmul minn Arnold Cassola, li allega li l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qiegħed jirrifjuta li jagħti informazzjoni adegwata fil-Parlament dwar żewġ karigi okkupati minn individwu partikolari, li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu. L-informazzjoni mitluba, fil-fatt, ngħatat mill-Ministru.
Il-Kummissarju osserva Ii, fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari, il-Ministru Bartolo ta informazzjoni dwar il-karigi u dwar il-kisbiet li wettaq dan l-individwu fil-qadi ta’ dmirijietu fiż-żewġ karigi. Ma’ dik l-istess risposta, ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti, kif intalab fil-mistoqsija. Madankollu, il-Ministru għamel dan fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari sussegwenti.
Filwaqt li rrimarka li huwa minnu li d-dewmien fl-intavolar tal-kuntratti seta’ ġie evitat, il-Kummissarju għall-Istandards iddeċieda li d-dewmien fih innifsu ma jimmeritax investigazzjoni ġaladarba l-informazzjoni mitluba ngħatat.