Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, ikkonkluda li mhemm l-ebda raġuni jew provi li l-Ministru Silvio Schembri kiser il-kodiċi ta’ etika dwar l-użu ta’ ħaddiema ta’ fiduċja tiegħu f’xogħlijiet ta’ kostitwenza.
Id-deċiżjoni waslet wara ilmenti mis-soltu Arnold Cassola u l-President Onorarju tal-għaqda estremista Repubblika, Robert Aquilina, lura f’Marzu tal-2023, li talbu investigazzjoni dwar jekk ħaddiema fis-segretarjat tal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, kinux qed jagħmlu xogħol mhux f’loku bi ksur tal-obbligi tas-Servizz Pubbliku.
Fl-investigazzjoni tiegħu, il-Kummissarju Azzopardi sab li xogħol fil-kostitwenza minn tliet membri tas-segretarjat kien volontarju u wara l-ħin tax-xogħol normali tagħhom.
Il-Kummissarju wkoll sema’ lis-Segretarjat tal-Kabinett Ryan Spagnol, li enfasizza li ħaddiema tal-ministeri jistgħu jitqabbdu jagħmlu “kordinazzjoni tad-djarju tal-attivitajiet u korrispondenza li tinkludi kwistjonijiet ta’ kostitwenza”.
Għaldaqstant, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li ma setax isib lill-Ministru Schembri ħati ta’ ksur ta’ etika u għalaq il-każ.